Internazzjonali

AĠĠORNATA: Aktar minn 140 vittma wara li ċeda pont fl-Indja

Mietu talanqas 141 persuna wara li ċeda pont li kien qed iservi bħala aċċess minfuq ix-Xmara Macchu, fl-Istat ta’ Gujarat.

L-ammont tal-vittmi mistennija jitilgħu sew fis-sigħat li jmiss u wara li mijiet spiċċaw fix-xmara – b’ħafna minnhom ma jidhrux aktar.

Dan waqt li l-filmati anki wrew numru ta’ nies qegħdin iżommu ma’ parti mill-pont li ma għerqitx u bis-sitwazzjoni tagħhom tkun imfissra bħala waħda ddisprata.

Mhux eskluż li fil-ħin tat-traġedja seta’ kien hemm bejn 400 u 500 ruħ fuq il-pont, bis-servizzi tas-salvataġġ, għalissa, jirnexxilhom isalvaw madwar 100 mill-ilma.

L-inċident kellu jseħħ jiem biss wara li l-pont — twil 230 metru u li kien ilu wieqaf mis-seklu dsatax– kien infetaħ mill-ġdid għan-nies u wara li kellu jgħaddi mit-tiswijiet u l-manutenzjoni.