Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal mill-ġdid l-ewwel wara rebħa kbira fuq Nott Forest….Rebħa diffiċli għal Man Utd fuq West Ham

(Ritratt: EPA)

Fl-Emirates Stadium

Arsenal v Nottingham Forest 5-0

Arsenal qabżu lil Manchester City fil-quċċata tal-Premier League Ingliż wara rebħa enfatika, 5-0, fuq in-neopromossi Nottingham Forest fl-Emirates Stadium.

Ir-rebħa kienet prattikament mingħajr storja mindu Gabriel Martinelli sab ix-xibka b’diving header wara biss ħames minuti iżda żgur li kien mistenni aktar minn Forest li ġimgħa ilu biss kienu għelbu lil Liverpool f’darhom f’waħda mill-aqwa wirjiet tagħhom fl-ogħla diviżjoni. Is-suċċess tal-Gunners ifisser li huma rritornaw bil-qawwi wara d-dro diżappuntanti fil-league ma’ Southampton u t-telfa ta’ nofs il-ġimgħa kontra PSV Eindhoven fl-Europa League – madankollu il-manager Mikel Arteta jinsab ansjuż dwar il-kundizzjoni ta’ Saka li sofra injury u kellu jirtira kmieni fil-logħba. Filwaqt li Arsenal ikkontrollaw il-kumplament tal-ewwel taqsima mingħajr tbatija kien imiss lil Reiss Nelson, is-sostitut ta’ Saka, li jirdoppja għall-Gunners erba’ minuti mill-mistrieħ u għall-ewwel gowl tiegħu għall-klabb minn Londra minn Novembru tal-2020.

Fil-52 minuta reġa’ kien Nelson li mill-ġdid għeleb lil Henderson għat-3-0, bid-difiża ta’ Forest tinqabad fuq sieq waħda fuq il-kross ta’ Gabriel Jesus li kellu jservi bħala assist. It-Tricky Trees rari kienu perikolużi, b’Arsenal ikomplu jheddu l-lasta ta’ Henderson u mas-siegħa logħob, Reis Nelson sab lil Thomas Partey, bil-midfielder ivenven ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa u għar-rokna tax-xibka għall-4-0. Id-dominanza ta’ Arsenal qatt ma kienet f’dubju tul il-logħba u huma setgħu anki żiedu aktar gowls bi ftit attenzjoni quddiem il-lasta — bil-midfield u d-difiża ta’ Forest jisfaxxaw għal kollox. Intant, fit-78 minuta, il-Gunners għalqu l-kontijiet bil-ħames u l-aħħar gowl skurjat mill-captain Martin Odegaard biex ikkundannaw lil Forest għall-akbar telfa tagħhom f’dan l-istaġun.

B’hekk ukoll, Nottingham Forest – li kisbu biss żewġ punti barra minn darhom — baqgħu ankrati fl-aħħar post tal-Premier League Ingliż b’disa’ punti minn 13-il logħba.

F’Old Trafford

Manchester United v West Ham United 1-0

Manchester United komplew bil-mument pożittiv b’rebħa missielta u diffiċli, 1-0, fuq West Ham United f’Old Trafford. It-tliet punti miksuba jfissru li r-Red Devils jinsabu punt biss ‘il bogħod mit-Top Four tal-klassifika u wara li huma lagħbu logħba anqas miż-żewġ tims ta’ qabilhom, Newcastle (b’24 punt) u Tottenham Hotspur (26).

Din il-logħba tibqa’ speċjalment memorabbli għall-attakkant Ingliż ta’ United, Marcus Rashford, li fl-ewwel taqsima (38) skorja l-gowl li ddeċieda l-logħba bi ġmiel ta’ header fuq il-kross preċiż ta’ Christian Eriksen. Il-gowl kien anki l-100 wieħed għal Rashford bil-flokk ta’ United, bl-attakkant qed jerġa’ isib l-aqwa forma wara li kien iddiżappunta bis-sħiħ fl-istaġun li għadda. Filwaqt li United kienu aħjar mill-avversarji fl-ewwel taqsima, West Ham wettqu reazzjoni qalbiena fit-tieni 45 minuta u marru viċin id-dro diversi drabi – fejn sabu quddiemhom lill-gowlkiper David de Gea li rnexxielu jżomm ‘clean sheet’ b’abbilità kbira.

Ir-Red Devils dehru aktar ħsiebhom f’li jżommu l-pussess tal-ballun waqt li jiddefendu l-vantaġġ minimu u b’konsegwenza ta’ dan, l-aħjar ċansijiet bdew jaqgħu lil West Ham, b’de Gea jinxteħet minn tulu biex jiċħad lil Michail Antonio u Kurt Zouma li marru viċin ħafna bit-tentattivi tagħhom. United heddew mill-ġdid u s-sostitut Fred laqat sieq il-lasta bir-ras – bil-gowlkiper Areola, li lagħab it-tieni taqsima minflok ir-regolari Fabianski, megħlub għal kollox. Madankollu, l-aħħar mument drammatiku kien ta’ West Ham – b’de Gea mill-ġdid iwettaq save spettakolari fuq ix-xutt bid-dawwra ta’ Declan Rice li deher iddestinat għar-rokna tax-xibka.