Ekwipaġġ mis-Siġġiewi Rowing Club ikklassifika fit-tieni post fit-tiġrijiet ta’ Gozzo waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ li saru dan ix-xahar, f’Taranto, l-Italja.
Il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ huma avveniment annwali li matulom qaddiefa internazzjonali jikkompetu kontra xulxin fuq diversi dgħajjes ‘fixed-seat’ fosthom il-Gozzo Nazionale, dgħajsa tipika tal-Ligurja, li tinqadef minn erba’ qaddiefa bilqiegħda u coxswain. Waqt it-tiġrijiet Gozzo 2022 tal-irġiel, l-ekwipaġġ tas-Siġġiewi kiseb l-ewwel post fis-semifinali u t-tieni, wara l-ekwipaġġ Taljan, fil-finali fejn Siġġiewi akkwistaw il-midalja tal-fidda.
L-ekwipaġġ tas-Siġġiewi Rowing Club kien magħmul minn Mark Schembri, Ivan Cassar, Joseph Grima, Kyle Spagnol u Kurt Cassar bħala coxswain. Il-qaddiefa tas-Siġġiewi kkompetew ukoll fil-‘Voga in Piedi’ (dgħajsa tinqadef bilwieqfa fl-istil Venezjan), u f’diversi ekwipaġġi mħallta fuq il-‘Lancia’ tradizzjonali ta’ 10 imqadef fejn ekwipaġġ minnhom ikklassifika fit-tielet post.
Il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ huma organizzati u approvati Federazzjoni Taljana tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ (FICSF), entita` affiljata mal-Kumitat Olimpiku Taljan. Din il-federazzjoni hija responsabbli għal uħud mill-aktar regatti prestiġjużi fl-Italja, inkluż ir-‘Regatta delle Antiche Repubbliche Marinare’ li ssir bejn Amalfi, Genova, Pisa u Venezja.
//= $special ?>