Internazzjonali

Seoul Halloween: Iktar minn 150 mejta u għexieren bi ġrieħi wara rassa f’attività

Mill-inqas 151 persuna tilfu ħajjithom u 82 persuna oħra qed isofru minn ġrieħi wara rassa kbira li kien hemm f’attività tal-Halloween f’Seoul kmieni l-Ħadd.

Fil-post kellhom jissejħu iktar minn 400 ħaddiem tal-emerġenza u 140 ambulanza sabiex jassistu lil dawk feriti.

Jidher li kollox beda meta numru kbir ta’ persuni bdew jimbuttaw ‘il quddiem fi trejqa b’riżultat li numru kbir ta’ nies ma setgħux jieħdu nifs sew u spiċċaw tgħaffġu qalb ir-rassa.

Filmati u ritratti juru ħaddiema tal-emerġenza jamministraw is-CPR, b’oħrajn jiċċekjaw il-kundizzjoni ta’ għexieren ta’ persuni.

Uħud mill-midja internazzjonali qed jirraportaw li kollox beda meta n-nies semgħu li kien hemm xi ċelebrità ta’ fama internazzjonali f’bar partikolari u għexieren ta’ persuni marru lejn dan il-bar biex jittantaw xortihom jiltaqgħu magħha. Il-Pulizija provaw iżommu l-kontroll iżda sfortunatament ma bdewx ilaħqu.

Dan l-avveniment kien l-iktar avveniment li ra persuni, madwar 100,000 ruħ, wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid fl-aħħar xhur.