Ambjent Għawdex

APPELL QAWWI: “Ħallu Ħondoq jibqa’ Ħondoq”

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) se jkun qed jiddeċiedi d-destin tal-Bajja ta’ Ħondoq nhar il-Ħamis li ġej, 3 ta’ Novembru. Id-deċiżjoni tal-EPRT se tkun waħda sinifikanti ħafna. Fil-fehma tal-Koalizzjoni, din se tkun deċiżjoni importanti mhux biss għal Ħondoq iżda għall-gżira t’Għawdex kollha kemm hi. Dan il-proġett fuq skala kbira se jkun qed ibiddel il-wiċċ tal-Gżira jekk jitħalla jsir. Il-pjanijiet lokali u l-policies ma jippermettux proġetti ta’ din in-natura. Wieħed jibża’ anke jikkontempla l-ħsieb li l-kosta madwar Ħondoq, li s’issa kienet għadha mhix mittiefsa, tiġi mormija u ssir biss ħaġa tal-passat.

S’issa, din il-proposta għal żvilupp imxerred fuq 104,000 metru kwadru ta’ art verġni, u li jinkludi lukanda, appartamenti, villas, residenzi, ristoranti, ħwienet, u marina, ġiet unanimament miċħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Koalizzjoni tistenna li l-EPRT jirrikonoxxi l-ħsara li proġett fuq skala bħal din jikkawża lill-Gżira t’Għawdex u jiċħad darba għal dejjem din il-proposta.

Il-Koalizzjoni taqbel bis-sħiħ mat-twissija tal-President George Vella, imtennija waqt ‘Jum Għawdex’ ta’ din is-sena, kontra t-theddid lill-ambjent naturali u patrimonju nazzjonali meta irrefera għal Għawdex bħala ‘ġawhra fraġli, sfurzata tirreżisti pressjonijiet minn ħafna naħat’.

Il-Koalizzjoni tisħaq li dawk iż-żoni ta’ Ħondoq li għadhom mhux mittiefsa għandhom jibqgħu tali, waqt li żoni li ġew imħassra għandhom jiġu riabilitati biex jirreflettu aħjar l-ambjent naturali li jikkaratterizza din il-kosta. Dan għandu jservi sew biex joffri serħan lin-natura, kif ukoll biex jiggarantixxi li s-sit jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri t’Għawdxin, Maltin, kif ukoll residenti internazzjonali u viżitaturi tal-Gżira t’Għawdex.