Bir-rebbieħa ta’ dawn il-kampjonati Ewropej mis-sena l-oħra – l-Isportiva tas-Sena tal-2021, Sue Abela, il-Malta Bowling Association (MBA) kienu ngħataw eċċezzjoni sabiex itellgħu lit-tieni l-aħjar kompetitura mill-kampjonati nazzjonali ta’ din is-sena, Cynthia Frendo Duca, maċ-champions nazzjonali tal-bowling f’Malta, Sue Abela u Kenneth Arpa, biex hi wkoll tikkompeti fost iċ-champions nazzjonali tal-pajjiżi Ewropej l-oħrajn.
F’dawn il-kampjonati dehru bowlers professjonali li flimkien urew l-aqwa livell f’dan l-isport. F’kompetizzjoni b’bosta logħbiet perfetti ta’ 300 u anke konverżjoni tal-isplit impossibbli 7/10 f’punt, il-Maltin irnexxilhom jikkompetu ma’ fost l-aqwa plejers fl-Ewropa.
L-ewwel fażi kienet ta’ sittax-il logħba sabiex jgħaddu l-aqwa 16 atleta miż-żewġ kategoriji separati. Ir-rappreżentant Malti Kenneth Arpa kien l-unika Malti f’Tim Malta li m’għaddiex għat-tieni fażi, minkejja logħba stupenda ta’ 279. Arpa spiċċa s-16-il logħba b’medja ta’ 185.8 u spiċċa fit-32 post fost 35 bowlers.
Min-naħa tan-nisa, iż-żewġ Maltin, Abela u Frendo Duca, laħqu t-tieni fażi wara li lagħbu skor medju ta’ 194.6 u 200.4 rispettivament. Sfortunatament, it-tnejn li huma ma rnexxilhomx jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss tat-Top 8. Abela spiċċat fl-14-il post filwaqt li Frendo Duca spiċċat fl-għaxar post; hi ma kkwalifikatx fost l-aqwa tmien nisa għal 25 pins biss wara tmien logħbiet oħra.
//= $special ?>