Budget 2023 Lokali

“Budget bla viżjoni fid-dawl tal-ikbar sfidi għall-Maltin u l-Għawdxin” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' impenjat li jaħdem għal kwalità ta' ħajja aħjar għal pajjiżna

“Il-budget uriena li dan hu Gvern bla viżjoni li ma ndirizzax l-ikbar sfidi li l-Maltin u l-Għawdxin qed jaffaċjaw ta’ kuljum.”

Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ħdejn il-Parlament wara r-Replika tal-Budget.

Bernard Grech qal li l-Budget ma jindirizzax il-problemi reali li qed jaffaċjaw in-nies, ma jindirizzax il-problema tal-għoli tal-ħajja, u ma jindirizzax il-problema tat-traffiku. L-unika ħaġa li dan il-Budget qed jagħmel hu li l-Gvern ikompli jgħabbi fuq id-dejn li pajjiżna għaddej minnu.

Fil-fatt, Bernard Grech qal li dan il-Budget m’għamilx l-iktar ħaġa importanti – ma fassalx għal ġejjieni aħjar.

“Determinati li nibqgħu niġġieldu biex il-Gvern jindirizza l-isfidi li l-Maltin qed jaffaċjaw,” qal Bernard Grech.

Il-Kelliem għall-Ekonomija u Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda, Ivan J. Bartolo qal li l-Gvern żamm l-attitudni ta’ qabel l-elezzjoni fejn qed jaħseb biss għall-voti u mhux għall-ġid tal-pajjiż.

Huwa kompla li Gvern li verament iħobb lil pajjiż għandu bżonn jagħmel ħafna xogħol u jbiddel l-attitudni fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Minn naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia qal li wara li ħriġna mill-pandemija tal-Covid-19, il-Gvern kellu ċ-ċans li jagħti importanza diretta lejn lill-pjan ekonomiku.

Huwa qal li l-Gvern kellu ċ-ċans ta’ ideat ġodda iżda għażel li jħalli l-problemi tal-Maltin u l-Għawdxin ‘il bogħod mill-budget.

Kien għalhekk li appellaw biex il-Gvern tal-Labour jikkunsidra l-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin minflok jaħseb biss għall-opportunitajiet personali tiegħu u tal qalba.