Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-PN hu impenjat favur il-kwalità tal-ħajja li l-poplu Malti jixraqlu.
Il-kwalità tal-ħajja kienet is-suġġett ewlieni li tratta l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta wieġeb għad-diskors tal-budget tal-gvern.
Bernard Grech qal li Malta u Għawdex għandhom bżonn tmexxijja li taħseb għal għada. Il-Ministru tal-Finanzi, waqt li għalaq id-diskors tiegħu għall-budget, kkwota silta mill-Innu Malti u qal ‘rodd il-ħniena lis-sid, is-saħħa lill-ħaddiem’ iżda ma’ dan il-kliem il-Ministru Caruana messu żied u qal ukoll ‘rodd l-għaqal lil min qed imexxi’.
Dan hu budget, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li ma jindirizzax l-preokupazzjonijiet li vera qed jolqtu lin-nies. Dan hu kontinwazzjoni ta’ pjan ekonomiku, li kif ammetta Clyde Caruana stess, falla.
Budget bla direzzjoni għall-futur
Dan hu budget b’ħafna kliem superlattiv sabiħ iżda ma joffri l-ebda direzzjoni u soluzzjoni għal min għaddej minn diffikultajiet. Ma jindirizzax il-weġgħat tan-nies.
Ma joffri l-ebda vizjoni fit-tul għal pajjiżna, li hi tant meħtieġa għall-ħaddiema, għal min iħaddem, għas-self-employed, għal min għandu negozju.
Dan hu sempliċiment budget kożmetiku, li ma jindirizzax bis-serjetà l-problemi tal-għoli tal-ħajja, li qed tkun morsa li tagħfas fuq l-istudenti, il-ħaddiema, il-ġenituri, l-anzjani, is-self-employed.
Bernard Grech qal li l-budget ma jindirizzax il-problema tal-għoli tal-ħajja, ma jindirizzax lanqas il-problema tat-traffiku, li qed tissarraf fi staġnar fit-toroq, dewmien żejjed, tniġġiż fl-ambjent, telf ta’ ħin u spejjeż żejda għan-negozji, li jridu jagħmlu tajjeb għall-ħin li jkunu mwaħħlin fit-traffiku.

Dan kien budget ta’ Gvern li aktar kien moħħu biex jipprova jpinġi stampa sabiħa, stampa surreali. Filwaqt li injora r-realtajijet veri li qed jgħixu n-nies.
“Dawk ħutna li l-paga jew il-pensjoni mhux qed isservihom sal-aħħar tax-xahar. Realtà fejn tal-qalba jaħtfu kemm jifilħu, imma int tieħu biss il-frak li jibqa’. Realtà fejn in-nuqqas ta’ sigurtá qed tinħass, b’Korp tal-Pulizija li qed jiżżarma ftit ftit. Realtà ta’ poplu li qed jitnaqqarlu l-aħħar ftit spazju miftuħ li baqgħalu”, sostna Bernard Grech.
Hu kompla li l-ambjent jinsab taħt assalt kontinwu u f’telqa, bil-poplu kuljum iħossu aktar fgat.
Il-Gvern, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, f’dawn it-tliet leġislaturi, ħammeġ, kerrah u biegħ lil Malta u b’hekk naqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies f’pajjiżna.
Il-kwalità tal-ħajja li tnaqqset sew fl-aħħar snin qed twassal biex aktar minn żewġ terzi taż-żgħażagħ ma jaraw l-ebda futur f’Malta, imma jaraw futur biss barra minn Malta. Dan it-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, illum iħossu kulħadd.
Tfal bi problema ta’ faqar
Hu qal li l-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għal Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ikkonferma dak li l-PN ilu jgħidu s-snin: li għandna tfal fi ħdan numru ta’ familji li qed ibatu l-faqar u għaddejjin minn żminijiet diffiċli; u n-numru ta’ familji m’huwiex wieħed żgħir.
Il-gvern introduċa kampanja li ġġib l-isem ta’ Childrens’ Dreams fejn appella lill-pubbliku biex jgħinu lil tfal bi sfidi soċjali u jgħinuhom bl-ikel. Ara f’hiex wasalna! Il-Gvern jagħmel appell biex in-nies jagħtu l-ikel lit-tfal. Daqshekk hi kbira l-problema.Dan hu Gvern insensittiv. Min ma jipprovax jindirizza l-problema tal-faqar, taż-żidiet fil-prezzijiet u tat-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja, ikun insensittiv.

Fuq il-website tas-Social Welfare, diversi tfal kitbu għall-għajnuna; hemm ‘il fuq minn 2,000 talba għal ikel jew ħwejjeġ.
“Qatt ma konna f’dan l-istat – skema biex nagħtu l-ikel lit-tfal. Il-Gvern qed jiftaħar b’dawn it-talbiet. Aħna qalbna tingħafas ma’ dawn it-tfal, mal-ġenituri tagħhom u ma’ min jieħu ħsiebhom. L-għoli tal-ħajja qed jgħakkishom. Hawn toħroġ l-inkompetenza tal-prijoritajiet ħżiena” sostna Bernard Grech, li appella lil-gvern biex iwaqqaf il-korruzzjoni u l-pagi ta’ €60,000 lil persuni inkompetenti biex bihom jitma’ lit-tfal.
Qagħda Finanzjarja; il-gvern nefaq dak li ma qalax
Il-budget tal-2023 qed isir fl-isfont ta’ Gvern li, fl-2022, nefaq dak li ma qalax, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-Gvern biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali berbaq kemm felaħ. Ried inaqqas €200 miljun min-nefqa u beda mill-Università.
“Beda minnkom iż-żgħażagħ, li toħolmu dwar il-futur tagħkom. Għandna Gvern jixxaħħaħ mal-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ”, sostna l-Kap tal-PN
“Fuq kollox, id-dejn li għamiltu u li se tkomplu tagħmlu, għax m’għandkomx ħjiel ta’ kif toħolqu l-ġid, hu l-agħar taxxa: taxxa fuq iż-żgħażagħ u fuq it-tfal tagħna. Dan hu Budget bl-agħar taxxa possibbli: id-dejn, li bih għabbejtu lill-poplu Malti u Għawdxi”, sostna Bernard Grech.
Id-dejn; il-gvern jirdoppjah għal €3,000 miljun
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern Laburista għabba dejn rekord fuq il-pajjiż. Dejn li hu ħafna aktar minn kemm kien qal li kien hemm bżonn minħabba l-Covid. Il-Gvern kien qal li kellu bżonn jiddejjen €1,500 miljun minħabba l-Covid, imma għabba fuq Malta dejn id-doppju; €3,000 miljun jew €5,000 fuq kull persuna. Għas-sena li ġejja s-soluzzjoni hi dejn ta’ €1 biljun ieħor.
Il-qagħda ekonomika; jibbaża biss fuq żieda fil-popolazzjoni
Il-mudell ekonomiku li għażel il-Gvern għall-aħħar snin kien pjan li ma ġie diskuss ma’ ħadd. Kien pjan li bbaża biss fuq iż-żieda tal-popolazzjoni.
Dan kien l-ewwel Gvern Malti li qata’ qalbu li jkabbar l-ekonomija bil-ħila tal-Maltin. Konferma ta’ Gvern li ma kellux viżjoni. L-unika viżjoni li kellu kienet il-politika taċ-Cheap Labour, b’ħaddiema barranin miġjubin mill-Gvern espressament għax minn barra l-Unjoni Ewropea. Dan hu Gvern li ma jafx x’inhi d-dinjità tal-ħaddiema.

Il-budget 2023 kien opportunità perfetta li l-pajjiż jibda jfassal il-ġejjieni tiegħu, li jwitti triq għal dawk l-oqsma ġodda biex jagħtu lill-ħaddiema u liż-żgħażagħ, l-opportunitajiet ta’ xogħol li jagħtuhom sodisfazzjon u pagi aħjar. Il-budget ma jagħti l-ebda risposta; l-ebda ħjiel.
Id-dejn tal-Gvern qed jikkawża daqqa fuq iż-żgħażagħ li jixtru dar, diġà bi prezzijiet tal-propjetà għaljin ferm, u issa bid-daqqa miżjuda tal-imgħaxijiet ogħla.
Dan hu budget li fih il-Gvern qed jipprova jnessi minn fejn tlaqna. Budget li fih il-Gvern qed jagħmel sforzi kbar biex jipprova jiddistakka u jitbiegħed mill-istess Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, imma dan hu gvern wieħed.
Bernard Grech fakkar fil-wiegħdi li kien għamel l-gvern Laburista fl-2013 u spjega kif dawn ma kienux miżmuma
Sena ilu l-gvern ħabbar li se jagħmel ‘mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja għall-familji vulnerabbli’.
Splużjoni fil-prezzijiet
Għaddiet sena u dawk it-80,000 persuna u s-37,000 familja vulnerabbi baqgħu biż-żieda miżera għall-għoli tal-ħajja ta’ sena ilu meta l-għoli tal-ħajja kien ta’ wieħed fil-mija jew anqas. Illum għandna l-ogħla għoli tal-ħajja f’40 sena. Iż-żieda li ta għall-għoli tal-ħajja mhix biżżejjed biex tilqa’ għall-isplużjoni fil-prezzijiet.
F’pajjiżna, persuni fil-faqar reali jew fir-riskju tal-faqar għandna aktar minn 100,000 persuna – kwart tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija. Dawn huma numri li għandhom iħammrulna wiċċna!
Dwar it-traffiku, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fis-snin li għaddew, l-gvern qal li kellu s-soluzzjonijiet … u evidentement ma kellux idea għax, wara li nefqu kwazi €1 biljun, l-poplu fit-traffiku kien u fit-traffiku għadu; u minflok soluzzjonijiet, qed jipprovaw isibu l-iskużi kollha … dejjem jaraw f’min se jwaħħlu.

Dwar ix-xogħol il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-uniku impjieġ li dan il-Gvern ħoloq kien xogħol għal ħaddiema b’ħiliet baxxi u cheap labour, ippremja lil tal-qalba b’impjiegi tal-Gvern biex spiċċa pparalizza lis-settur privat, kwistjoni li għalkemm kienet enfasizzata mill-imsieħba soċjali biex tkun indirizzata, ġiet biss miknusa taħt it-tapit. Għalhekk li l-PN ħejja emendi biex l-Avviż Legali jkun eqreb l-ispirtu tad-Direttiva. Biex il-miżuri verament jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema tagħna.
Dan ifisser li l-Gvern naqqas €11-il miljun mill-edukazzjoni ta’ wliedna f’sena waħda biss!, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Is-saħħa; serq sfaċċat minn flus il-poplu għal Steward
Meta tkellem dwar dwar is-settur tas-saħħa, hu qal staqsa x’inbidel fil-wegħda tal-out patients block – li issa l-proġett se jiġi jiswa €10 miljuni iżjed. Kieku l-proġett twettaq meta kien imwiegħed ħames snin ilu l-poplu kien jiffranka €10 miljuni.
Tant dal-gvern ma jistħi minn xejn, li dan l-istess proġett jippreżentah bħala l-proġett prinċipali għas-settur tas-Saħħa. Ma tistħux mill-poplu? Tridu il-kredtu wkoll talli tirrepetu l-istess wegħdiet sena wara l-oħra?
Illum fl-istess budget li rriċikla l-wegħda tal-blokk tal-outpatients, qiegħed jirriċikla wegħda oħra ta’ ħames snin ilu – li se jibni sptar ġdid tal-Kura Psikjatrika Akuta. Il-Gvern wiegħed sptar għall-ommijiet u t-tfal. Il-Gvern qal li se jkompli jimmodernizza s-swali f’Monte Carmeli, waqt li f’Mater Dei għadhom qed ipoġġu pazjenti fil-canteen tal-istaff, fil-librerija tal-Iskola Medika, f’kuritur taħt l-art u f’kamra kbira barra l-canteen.

Kull min għandu xi ħadd tal-familja fil-canteen, l-MIU 6 jew barra l-canteen, jew taħt l-art fl-MIU1, jew fil-librerija l-MIU4 jaf li dawn lanqas fejn jinħaslu suriet in-nies ma għandhom. Għandhom biss portable toilet; li jridu jużawh għexieren ta’ pazjenti bejniethom. Il-budget naqqas ukoll l-infiq fuq il-manutenzjoni tal-apparat li jintuza fl-isptar Mater Dei.
Illum, fil-kwalità tal-ħajja sirna napprezzaw aktar l-aspetti li mhumiex finanzjarji, bħas-saħħa mentali. Is-soluzzjoni ta’ Robert Abela għal dan kollu? Iqaċċat il-budget tar-Richmond Foundation, fondazzjoni rispettata li tagħmel ġid kbir ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Steward se jieħdu €82 miljun. Is-sena l-oħra ħadu €62 miljun; f’sena waħda Steward se jieħdu 30 fil-mija iżjed mis-sena l-oħra.
Baqa’ xi ħadd f’dan il-pajjiż li għandu l-iċken dubju għaliex dan il-Gvern qed jisraq lil poplu tiegħu stess biex ta’ Steward jistgħanew; €6 miljuni profitt is-sena l-oħra biss u iżjed minn €80 miljun din is-sena li ġejja. Fejn sejrin dawn il-miljuni? Għaliex Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li jiddefendi dan id-deal u lil dawk li għandhom sejrin dawn il-miljuni?
L-enerġija; kultura ta’ ħabi u serq
Dwar is-sussidji fuq l-enerġija, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern hemm bżonn li jkun trasparenti. Ma jistax ikun li jigi hawn, ifajjar ċifra ta €472 miljun din is-sena, ifajjar cifra ta’ €608 miljun għas-sena d-dieħla u jippretendi li din tkun sempliċi one-liner mingħajr ebda breakdown ta’ kif se tintefaq! Jippretendi, li 10 fil-mija tan-nefqa kollha tal-Gvern, tkun sempliċiment linja f’budget, mingħajr workings u mingħajr spjegazzjoni!

Imma jrid jgħid ukoll, kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-profitti tal-Electrogas. Kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-profitti tas-Shanghai Electric. Kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-gass li nixtru mingħand is-Socar? Jgħidilna kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-€5,000 kuljum ta sħabhom, ta 17 Black, ta Hearnville, ta’ Tillgate u ta’ Egrant. Ma jistax ikun li l-enerġija tibqa’ settur mifni f’kultura ta’ ħabi u serq, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dwar Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern Laburista ma żammx kelmtu mal-Għawdxin għax ma wettaqx il-proġetti li wiegħed.
Gvernijiet Nazzjonalisti ħolqu x-xogħol u proġetti
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-proposti tal-PN fl-ambjent, fl-edukazzjoni, fil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, fl-infrastrttura, fis-saħħa u fis-sigurtà. Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-governanza.
Il-Kap tal-Oppoiżżjoni sostna li l-PN hu l-partit tan-nazzjon kollu. Kburin b’Malta u Għawdex. Kburin bil-poplu Malti u Għawdxi. Il-PN hu tal-ambjent. Għaliex il-bniedem irid tassew jirrispetta in-natura li fi ħdanha jgħix. Ambjent b’saħħtu jassigura kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-poplu tagħna. Il-PN hu l-partit li jemmen fid-dinjità ta’ kull persuna, il-PN l-partit tal-edukazzjoni, il-PN il-partit tax-xogħol li jemmen dejjem f’Malta u l-Maltin u l-Għawdxin.
Bernard Grech qal li l-PN ħoloq is-settur tat-turiżmu u l-industrija wara li sirna indipendenti, li żviluppajna fost l-oħrajn is-settur finanzjarju u tal-gaming u dak marittimu, kollha setturi li jimpjegaw fis-sod.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern Laburista jrid jibni kollox biss fuq id-dejn aħna rridu nibnu fuq l-għaxar pilastri li semmejt.
Il-PN bil-fatti nemmnu fil-poplu Malti u Għawdxi u dan urejnih bir-riformi li wettaqna. Dan għamilnieh għax nemmnu fik. Nemmnu f’kull persuna; il-bniedem jibqa’ dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Għax aħna nemmnu fik u f’Malta u Għawdex. Għax nemmnu li int għandu jkollok il-kwalitá tal-ħajja li tixraqlek, għalhekk aħna impenjati li dan nwettquh, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.