Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’serq u attentat ta’ serq minn fuq dgħajsa

Raġel ta’ 33 sena residenti ż-Żejtun u li għadu kemm ħiereġ mill-ħabs inżamm arrestat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ġie mixli b’serq u attentat ta’ serq ta’ oġġetti minn fuq dgħajsa li kienet sorġuta fix-Xatt f’Tal-Pietà. L-allegat reat seħħ nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tas-7.00pm.

Annise Bejaoui wieġeb mhux ħati li tela’ fuq id-dgħajsa bl-isem ta’ Lonzu “Il-King” bl-iskop li jisraq f’kemm jiswew mhux inqas minn 233 ewro f’oġġetti li kien hemm fuqha. liema reat ma seħħx minħabba xi ħaġa indipendenti mill-volontà tiegħu u li pprova jisraq minn fuq l-istess opra tal-baħar aktar minn 233 ewro f’oġġetti, iżda anqas minn 2,333 ewro.

Bejaoui ġie mixli wkoll li sar reċediv u li kiser diversi ordnijiet tal-Qorti billi kien ilu mis-7 ta’ Ottubru ma jmur jiffrma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun. L-Ispettur Ian Azzopardi qal li huwa kellu ordni minn żewġ Qrati biex jifirma darbtejn fil-ġimgħa.

Dwar dan l-akkużat qal permezz tal-Avukat tal-għajuna legali tiegħu Josette Sultana li dak iż-żmien hu kien dieħel u ħiereġ l-isptar għall-kura u kien għahekk li ma setax imur jiffirma. L-Ispettur Azzopardi qal li hu ma kienx infurmat dwar dan.

Il-prosekuzzjoni sadanittant oġġezzjonat bil-qawwa kollha meta fi tmiem is-seduta intalab il-ħelsien mill-arrest għall-akkużat u dan minħabba li għad baqa’ xhieda pajżana li raw lill-akkużat jitla’ fuq id-dgħajsa, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ affidabilità tal-akkużat. Il-Qorti ċaħdet it-talba fuq in-nuqqas ta’ affidabilita ta’ Bejaoui.