Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier – Id-disa’ ġurnata: Ħamrun Spartans l-uniku tim mhux megħlub

(Ritratt: Domenic Aquilina / MFA)

Fil-partitissima ta’ tmiem din il-ġimgħa bejn il-leaders Ħamrun Spartans u Gżira United kienu tal-ewwel li kisbu l-punti massimi b’gowl li wasal fl-aħħar parti tal-logħba. Rebħa li fissret li issa l-Ispartans għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti fil-quċċata tal-klassifika. Rebħa li kompliet tikkonferma li Ħamrun huma favoriti li jirbħu t-tieni kampjonat fi spazju ta’ tlett snin. Għal Gzira din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun biex issa huma l-Ispartans biss bla megħluba.  Kienu l-Maroons li fetħu l-iskor iżda Ħamrun irrispondew ftit wara biex kellu jkun is-sostitut Luke Montebello li disa’ minuti mit-tmiem skorja l-gowl tant importanti, t-tieni gowl personali fil-flokk aħmar u iswed. Ħamrun huwa tim konsistenti fejn anki meta t-tim ma’ jkunx fl-aqwa forma xorta jiksbu riżultat. U dak li jagħmel id-differenza. U huwa għalhekk li l-Ispartans huma meqjusa bħala l-aqwa tim tal-mument.

Mosta dawru telfa f’rebħa dan wara li huma għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa li waslet hekk kif Mosta approfittaw minn żbalji fid-difiża Karkariża biex f’temp ta’ ftit minuti qalbu l-miżien favur tagħhom. Madanakollu l-bidu tal-partita wera stampa differenti hekk kif l-Istripes skurjaw fl-ewwel minuti b’gowl xi ftit kontroversjali wkoll jew aħjar b’nuqqas ta’ fair play. Mill-banda l-oħra Mosta qed jikbru minn partita għall-oħra fejn din kienet wirja qalbenija bit-tim immexxi minn Joe Grech wara li kiseb il-vantaġġ għaraf jiddefendi bi qlubija biex kiseb tlett punti oħra li bihom huma telgħu fil-ħames post tal-klassifika. Għal Birkirkara din kienet daqqa ta’ ħarta oħra fejn bidu eċċellenti għall-istaġun hekk kif issa ilhom erba’ logħbiet bla rebħa fejn din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara li l-ġimgħa ta’ qabel huma tilfu kontra Marsaxlokk.

Yannick Yankam jipprova xutt lejn il-lasta avversarja (Ritratt: Trevor Sollars)

Wara erba’ telfiet konsekuttivi u draw fl-aħħar partita Valletta finalment kisbu rebħa u tlett punti kontra Balzan biex it-tim Belti ħa ftit tan-nifs. Kienet rebħa li psikoloġikament tfisser ħafna għat-tim immexxi minn Thane Micallef li donnhom bdew jitilfu l-fiduċja fil-kapaċitajiet tagħhom stess. Kienet rebħa vitali għal Valletta li wara taqsima bilanċjata skurjaw darbtejn fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Għalihom spikkaw il-gowlkeeper Guarnone flimkien ma’ Paiber, Akpoveta u Paiber. Balzan naqsu li jiksbu l-ħames rebħa tal-kampjonat fejn wara d-draw fl-aħħar logħba tagħhom kontra Floriana wieħed stenna li ser jara lil dan it-tim aktar motivate biex jirritorna għar-rebħ. Il-logħba li jmisshom hija waħda aktar diffiċli kontra l-leaders Ħamrun Spartans filwaqt li Valletta għandhom iċ-ċans li jkomplu jibnu fuq dan ir-riżultat dan hekk kif huma jiffaċċjaw lit-tim min naħa t’isfel tal-klassifika Żebbuġ Rangers.

Sirens u Santa Lucia ħadu punt kull wieħed minn partita li r-riżultat prattikament ma’ ssodisfa lil ħadd minnhom. Sirens dehru li kien l-aktar avventurużi matul din il-partita fejn kellhom ukoll l-aħjar ċansijiet ta’ skor. Riżultat li fisser li Sirens għadhom l-uniku tim fil-Kampjonat Premier mingħajr rebħa. It-tim minn San Pawl il-Baħar lagħab għal aktar minn siegħa bi player anqas wara tkeċċija ta’ Sean Cipriott f’nofs l-ewwel taqsima. Iżda minkejja li kellhom aktar mill-inizjattiva xorta waħda sabuha diffiċli sabiex isibu x-xibka fejn għas-Saints spikka l-gowlkeeper Dylan Ciappara li kien fl-aqwa forma. Sirens issa jridu jeħduha kontra Gudja United, partita oħra diffiċli kontra tim li jrid jerġa jsib saqajh u jkomplu jisfida fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Għal Santa Lucia dan kien punt li bih qabżu lil Żebbuġ Rangers iżda jridu jkunu ħafna aħjar jekk qed jaspiraw li jieħdu xi ħaġa mil-logħba li jmisshom kontra Floriana.

Floriana minkejja li lagħbu għal ħinijiet twal b’għaxar players kisbu rebħa b’gowl uniku skurjat minn penalty ta’ Oulid El Hasni fil-65 minuta sabiex għelbu lil Żebbuġ Rangers. Il-Greens riedu li juru li t-tim qed hemm wara serje ta’ riżultati mhux mixtieqa iżda naqsu li jkunu awtorevoli matul il-partita b’mod partikolari fl-ewwel taqsima. Fil-fatt deher nuqqas ta’ ftehim u kordinament fit-tim ta’ Floriana fejn ftit li xejn kienu effettivi. Żebbuġ Rangers jemmnu li setgħu ħadu xi ħaġa minn din il-logħba fejn it-tim immexxi minn Brian Spiteri naqas li japprofitta minn vantaġġ numeriku kontra tim aktar ikkwotat. Għal Floriana ftit tan-nifs wara erba’ logħbiet mingħajr rebħa. Iżda jridu juru titjib għax b’logħob bħal ma’ ipproduċew is-Sibt ma’ tantx jistgħu jagħmlu progress speċjalment kontra oppożizzjoni aktar diffiċli.

Jan Busuttil issikat minn plejer ta’ Żebbuġ (Ritratt: Trevor Sollars)

Wara żewġ telfiet konsekuttivi Gudja rritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Pieta Hotspurs b’gowl uniku skurjat fl-ewwel taqsima. Kien gowl stupend skurjat minn Nicolas Navarrete b’xutt minn madwar tletin metru. Il-Hostpurs ippruvaw isalvaw il-partita fejn fl-aħħar ħinijiet setgħu għamlu dan iżda qabel Gudja kellhom fejn jissiġillaw ir-rebħa hekk kif huma tilfu numru ta’ ċansijiet ta’ skor. Kienu Pieta li bdew tajjeb fejn tefgħu lill-avversarji fil-kaxxa tagħhom. Aktar ma’ għadda ħin Gudja bdew javvanzaw biex ħadu wkoll il-kontroll tal-logħba. Telfa li ħalliet lil Pieta ankrati fl-aħħar post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra Gudja telgħu mill-ġdid fit-tielet post flimkien ma’ Hibernians u Birkirkara.

Hibernians naqsu li japprofittaw mit-telfa ta’ Gżira United hekk kif huma sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn M’Xlokk. Il-mument tajjeb mix-Xlukkajri b’hekk kompla hekk kif huma kienu viċin li jiksbu r-raba’ rebħa tal-istaġun wara li kien marru fil-vantaġġ permezz ta’ gowl skurjat minn Fabian Moracci. Imma Jake Grech salva lit-tim tiegħu meta sab ix-xibka minuta minn tmiem il-partita. Fil-fatt dan il-gowl wasal wara attakki kontinwi mill-Pawlisti fuq il-lasta opposta. Tajjeb li ninnutaw li Hibernians iddominaw lill-avversarji b’mod partikolari fl-ewwel taqsima iżda ma’ kienux inċiżivi quddiem il-lasta Xlukkajra. Hibernians issa għandhom test diffiċli ieħor, confront dirett kontra Birkirkaa hekk kif issa ż-żewġ timijiet jinsabu fl-istess numru ta’ punti fit-tielet post tal-klassifika.

INNUTAJNA

LI nuqqas ta’ fair play wassal għall-gowl ta’ Birkirkara kontra Mosta.  Kienu l-Istripes li naqsu li jirritornaw l-pussess lill-avversarji minkejja li legalment mhux obbligati li jagħmlu  hekk bil-konsegwenza li wasal il-gowl ta’ Zibo. Evidenti l-protesti b’mod partikolari minn Clayton Failla.

LI   qabel il-logħba bejn Hibernians u Marsaxlokk il-President tal-Pawlisti Ranier Bezzzina ppreżenta flokk kommemorattiv lil Dunstan Vella li jimmarka l-150 logħba tiegħu ma’ Hibernians. Ħasra li fl-aħħar mumenti Vella safa’ mkeċċi. 

LI  Luxol St Andrew’s kitbu paġna storika fl-istorja tal-isport Malti hekk kif huma għaddew għar-rawnd Elite tal-Uefa Champions League tal-Futsal. Sport li qed ikompli jikber u issa li Luxol ser jikkompetu mal-aqwa sittax il-tim fl-Ewropa ser ikun ta’ inċentiv kbir.