Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ċaħdet appell tal-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ missier u ibnu akkużati f’Settembru li għadda weġġgħu gravament lil Roderick Debono meta aggredew permezz ta’ senter isserrat maġenb triq fejn seħħet traġedja sentejn ilu fil-Qrendi.
Eugenio Gaffarena, pensjonant ta’ 64 sena u ibnu Vince ta’ 20 sena, kienu ġew illiberati mill-Qorti tal-Maġistrati wara li allegatament kienu aggredew lil Roderick Debono, li l-qarib tiegħu, Leon Debono, kien wieħed minn żewġ suspettati akkużati bi sparatura fl-2020.
F’dik l-isparatura, inqatel il-kuġin ta’ Vince, Saviour Gaffarena. Vince, li hu stess kien ġie sparat f’sidru u f’wiċċu, kien għadu qed jirċievi l-kura għall-ġrieħi li ġarrab, ingħad fil-Qorti meta missier u ibnu tressqu l-Qorti fl-20 ta’ Settembru. Jumejn qabel, it-tnejn kienu allegatament involuti f’attakk vjolenti fuq Roderick Debono f’Misraħ il-Fidwa, l-Imqabba.
Fuq il-post marru uffiċjali tal-pulizija, avżati dwar il-ġlieda minn min kien ċempel b’mod anonimu. Huma lemħu tixrid ta’ demm f’waqfa tal-linja eżatt faċċata ta’ każin tal-Labour. Aktar tard dakinhar waranofsinhar, Debono tfaċċa fl-għassa tal-pulizija fejn sostna li kien aggredit.
Huwa kien sofra ġrieħi fil-wiċċ li kellhom bżonn suturi kif ukoll tbenġil. Dawk il-ġrieħi ġew iċċertifikati bħala gravi minn tabib li eżaminah fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid. Iż-żewġ aggressuri suspettati ġew sussegwentement arrestati u mressqa.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-unika prova tal-allegat inċident li kellha kien ir-rakkont ta’ Roderick Debono fejn kien qal li għall-ħabta tal-4.45pm. kien mar l-Għassa tal-Pulizija ta’ Birċebbuġa u sqarr li għall-ħabta s-1.00pm. huwa waqaf bit-tfal fuq l-istage, għadda Eugenio Gaffarena b’karozza VW Passat u beda jħares bl-ikrah. Hu staqsieh x’ġata fejn qallu “hemm bniedem mejjet fil-familja tiegħi” u Roderick qallu, “jien x’għandi x’naqsam.”
Eugenio qallu biex jistennih għax kien reġa’ ġej. Telaq u reġa ġie bil-karozza fejn miegħu kellu wkoll it-tifel tiegħu Vince, Ħarġu mill-karozza, Eugenio ħareġ b’senter taċ-ċewġ isserrat f’idejh. Roderick ipprova jżomm is-senter, ma rnexxielux, ħatfu Vince minn wara, żammu, u Eugenio beda jagħtih bil-kanna tas-senter.
Bil-kanna Roderick ġarrab xi ġrieħi f’wiċċu u fuq wara ta’ rasu. Bdew joffenduh u Roderick telaq minn hemm u spjega li waqt dan kollu it-tfal kienu fil-każin Laburista. Roderick kien ħa miegħu l-Għassa, ċertifikat mediku, parti mis-senter u kien qal li għandu xhud, imma ma riedx jgħid min hu.
Eugenio kien wieġeb mhux ħati ta’ ġrieħi gravi, li ġarr senter isserrat waqt li kien qed jagħmel reat kontra l-persuna, li kellu l-arma mingħajr liċenzja tal-pulizija kif ukoll li insulenta u hedded lill-allegata vittma. Ibnu, Vince, wieġeb ukoll mhux ħati ta’ kompliċità fl-allegata att ħażin kif ukoll li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu.
It-tnejn kienu nżammu taħt arrest preventiv wara li t-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda, partikolarment fid-dawl tal-fatt li xhieda ċivili, inkluż l-allegata vittma, kienu għad iridu jixhdu. Waqt l-akkuża, l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Janetta Grixti kkonfermat li l-vittma kien qal lill-pulizija li ma riedx jagħmel jixhed kontra l-allegati aggressuri.
Iżda fid-dawl tan-natura gravi tal-ġrieħi tiegħu, il-pulizija kienet kompliet il-prosekuzzjoni. Meta l-każ ġie appuntat għas-smigħ, l-allegat vittma tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, u insista għal darb’oħra li ma kellu ebda interess li jkompli bil-każ kontra l-akkużati.
Terza persuna mħarrka wkoll biex tixhed ma setgħet titfa’ ebda dawl fuq l-allegata ġlieda. Fid-dawl ta’ tali provi, u b’mod speċjali fid-dawl tax-xhieda ta’ Debono, il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, kienet iddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed provi prima facie biex l-akkużat jgħaddi proċeduri fuq il-każ. Hawn lanqas ġie aġent jew uffiċjal tal-Pulizija ma xehed.
Il-qorti konsegwentement ħelset liż-żewġ akkużati u ordnat li r-rekords tal-każ kellhom jintbagħtu lura lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali skont il-liġi. Ta’ l-istess fehma kienet il-Qorti tal-Appell fejn qalet li ma kien hemm l-beda provi tanġibbli fuq dan il-każ.
Ħafna mill-persuni ma raw xejn, ħlief li kien hemm ġlieda u bus stop mimli demm. Rapport jgħid ukoll li l-Pulizija ta’ Birżebbuġa meta marru fuq il-post ma sabux ġlied għaddej, iżda wkoll li raw id-demm fuq l-istage. Dan huwa każ marbut biss ma’ allegazzjonijiet u li f’dan il-każ, tant kemm kienu skarsi l-provi li l-Maġistrat Mifsud kellu raġun jikkonkludi li l-Qorti ma kellha fuq xhiex tikkonkludi li kien hemm każ ta’ prima facie. L-avukat Noel Bianco deher għall akkużati.
//= $special ?>