Internazzjonali

L-Ukrajna: L-infrastruttura għadha mira ewlenija għar-Russi

Il-qawwiet tar-Russja qed iżidu l-attakki fuq l-infrastruttura għall-enerġija fl-Ukrajna bil-ħsieb li l-poplu Ukren ibati l-agħar elementi tax-xitwa mingħajr il-mezzi biex iżomm ruħu sħun.

U fl-aħħar sigħat, il-Gvern Ukren qal li r-Russja kienet wettqet mewġa ġdida ta’ attakki missilistiċi fid-diversi bnadi tal-Ukrajna u partikularment fil-belt kapitali ta’ Kiev, fejn instemgħu numru ta’ splużjonijiet.

Dan meta l-awtoritajiet fi Kiev, issa, qed jgħidu li numru ta’ distretti fil-kapitali spiċċaw mingħajr dawl u ilma b’kaġun tal-attakki.

Inqata’ id-dawl ukoll fl-ibliet ta’ Kharkiv u Zaporizhzhia u fejn ir-residenti qegħdin ibatu bil-kbir mill-konsegwenzi tal-gwerra.

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna qal, sigħat ilu, li r-Russi deċidew li jfakkru l-okkażjoni ta’ Halloween b’attakk ieħor bil-missili fuq iċ-ċivili Ukreni bħala parti mill-kampanja ta’ terrur li qed jinsisti biha l-Kremlin ta’ Vladimir Putin.

Min-naħa tagħha,  ir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna dwar attakk kbir bid-drones fuq il-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed li għandha l-bażi tagħha f’Sevastopol, fil-Krimea.

Fl-istess ħin, ir-Russja ħabbret li qed tirtira mill-ftehim li jippermetti biex l-Ukrajna tesporta l-qmuħ mill-portijiet tagħha mal-Baħar l-Iswed. Il-ftehim kien ilu effettiv mis-sajf u wara li kien sponsorjat mill-komunità internazzjonali bi ftehim ma’ Kiev u Moska.