Għexet ħajja pjuttost qasira – il-battalja mal-kanċer tilfitha fl-età ta’ 28 sena.
Kellha ċans li ssalva ħajjitha iżda minflok għażlet il-ħajja ta’ binha.
Għexet ħajjitha bl-iktar mod sempliċi fejn iżżewġet lil Enrico Petrillo u kellha tliet itfal – bi tnejn minnhom, sfortunatament, tilfuhom daqs nofs siegħa wara li twieldu.
Iżda l-ħajja sempliċi li għexet u l-imħabba bla qies li uriet misset il-qlub ta’ eluf madwar id-dinja kollha. Tant, li llum il-ġurnata, Chiara Corbella Petrillo tinsab fl-ewwel fażi biex issir qaddisa.
NET News kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-ġenituri ta’ Chiara, Roberto u Maria fejn qattgħu ftit ġranet f’pajjiżna biex iwasslu l-messaġ ta’ binthom dwar l-abort.
“Chiara kienet persuna li tixgħel il-kamra,” qalet Maria. “Dejjem kuntenta lesta biex tgħin lil min hu fil-bżonn.”
Missierha ddiskriviha bħala persuna ta’ ftit kliem iżda b’karattru sod ħafna.
“Kienet dejjem titbissem tant li kont ngħajtilha – My Julia Roberts,” qal Roberto. “Kienet tgawdi l-ħajja bl-aħjar mod. Kienet ukoll tirrispetta lil kulħadd anke dawk li ma jaqblux magħha.”
L-ordinarju dejjem irnexxilha tbiddlu f’xi ħaġa straordinarju
Tibqa’ meqjusa b’mod speċjali bħala dik il-persuna li l-ordinarju dejjem irnexxilha tbiddlu f’xi ħaġa straordinarju.
Ħafna iqisu lil Chiara bħala dik il-persuna li wetqgħet miraklu b’mod differenti minn kif nafuhom is-soltu. Salvat mijiet ta’ trabi bid-deċiżjoni tagħha li ma tagħmilx abort ta’ tliet ulied… deċiżjoni li swiet ħajjitha.
Dan hekk kif biex tipproteġi lit-tarbija f’ġufha, għal xhur sħaħ, Chiara rrifjutat li tingħata t-trattament meħtieġ kontra l-kanċer. L-aħbar li Chiara għandha kanċer kienet ħarġet meta kellha seba’ xhur tqala, bit-tobba jgħidulha li għandha l-Carcinoma. Meta Chiara weldet, it-tobba bdewlha l-kura, b’ġimgħat wara r-riżultat bdew juru li qed taqleb għall-aħjar. Sfortunatament, xhur wara, ir-riżultati ħarġu juru mod ieħor tant li l-kanċer kien inxtered ma’ ġisimha kollu.
“Chiara kienet għażlet li tieħu l-irwol ta’ omm u tagħti lill-uliedha l-aqwa żmien possibli anke jekk għal perjodu qasir ħafna,” qal Roberto. “Meta kienet tqila bit-tielet wieħed, Francesco, hi kienet qaltilna: ‘Min jien biex niddeċiedi dwar il-ħajja ta’ Francesco?’ Kienet aċċettat dak li għandha iżda qatt ma riedet tagħmel ħsara lill-embrijun. L-ewwel riedet tara li jitwieled qawwi u sħiħ imbagħad tieħu l-kura meħtieġa.”
Ħafna javviċinaw lill-ġenituri ta’ Chiara u jgħidulhom li hi ta’ ispirazzjoni għal ħafna hekk kif bis-saħħa ta’ binthom għarfu li m’għandhomx jeqirdu l-ħajja fil-ġuf tagħhom jew inkella jagħtu iktar attenzjoni lill-uliedhom.
“Kieku Chiara għażlet li tagħmel abort biex tibda t-trattament meħtieġa, xorta m’għandnix garanzija li kienet se tkun magħna llum il-ġurnata,” qal Roberto. “Iżda kieku ħadet din id-deċiżjoni, li hu fiċ-ċert hu li ma kienx ikolna lil Francesco magħna.”
Chiara sal-aħħar kienet persuna bi tbissima fuq fommha
Kull min iltaqa’ ma’ Chiara kulħadd jiddiskriviha bħala persuna li dejjem rawha kuntenta, u qatt m’emmnet fl-isfortuna.
“L-aħħar perjodu ta’ ħajjitha ma kienx perjodu ta’ dwejjaq iżda Chiara kienet tiċċajta u titbissem,” qal Roberto. “Kienet tqis li Alla dejjem qiegħed magħha u allura kienet taċċetta dak li għaddejja minnu.”
U kieku ommha u missierha kellhom iċ-ċans li jdawru l-arloġġ u jerġgħu jkollhom ħin liberu ma’ binthom, x’jagħmlu differenti?
“Bħala omm, żgur li nkun hemm għaliha iktar, infissidha iktar u nkellimha iktar,” qalet Maria.
Bil-missier għandu dispjaċir wieħed fejn tidħol bintu.
“Qattajna ħafna ħin flimkien lejn l-aħħar,” qal Roberto. “Iżda nħoss li għamilt żball għaliex kont dedikat wisq biex nipprova nnaqqas l-effetti tas-sitwazzjoni minflok gawdejt iż-żmien li kelli magħha.”
Bħalissa, Chiara tinsab fil-fażi li ssir qaddisa hekk kif qed tkun meqjusa li anke wara mewta salvat tant ħajjiet u għamlet tant differenza.
Editur tal-gazzetta: Joe Cassar
//= $special ?>