Lokali Qorti

Libjan jammetti li hedded u ħebb għal erba’ Pulizija

Libjan ta’ 21 sena ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li fi tmiem il-ġimgħa waqt li kien fis-sakra li hedded u ħebb għal erba’ uffiċjali tal-Pulizija. L-inċident seħħ il-Belt Valletta. Abd Alraheem Aboulqasim Ali Bashah ammetta wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u kiser paċi pubblika.

Huwa mixli wkoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ, liema akkużi huwa ammetta għalihom ukoll. Il-prosekuzzjoni qalet li fl-istqarrija lill-Pulizija, l-akkużat qal li m’għandux xogħol u jmur il-Marsa biex jara min se jagħtih xogħol.

Waqt li ċanfritu għall-aġir tiegħu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qaltlu biex aħjar imur jirreġistra għax xogħol u biex jirrispetta lilu nnifsu għax inkella ħadd mhu se jirrispettah. Il-prosekuzzjoni qalet li meta ġie f’tiegħu, l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.

Il-Qorti fuq ammissjoni bikrija sabitu ħati tal-akkużi u ordnat biex jinħeles mill-arrest bil-patt u l-kundizzjoni li jagħmilx reat ieħor fi tliet snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.