“Jekk il-gwerra tissokta se tibqa’ tiħrax is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ewropa għax ma nafux liema pajjiż se jintlaqat wara l-Ukrajna”
Dan hu dak li stqarret ma’ Net News il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn qalet li l-UE se tibqa’ magħquda biex tegħleb din l-isfida tal-gwerra u kif ukoll biex fil-kontinent Ewropej tirrenja l-paċi.
“Aħna se nkomplu ngħinnu biex l-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha. Insostnu l-appell biex il-gwerra tispiċċa billi l-Ukrajna tirbaħ. Jekk dan ma jsirx se nidħlu f’riskju li nidħlu f’xitwa diffiċli ħafna, kif tinżel it-temperatura, id-difiża u s-saħħa tagħha taf tonqos, u kif ukoll nidħlu f’rebbiegħa oħra fejn jerġa’ jkollna l-battalji bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Jekk il-gwerra ma tieqafx issa ukoll ma nkunux, minjaf x’se jkun il-pass li jmiss, liema pajjiż, ir-Russja se tkun qed tattakka” – Roberta Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew qalet dan wara li indirizzat numru ta’ membri fi ħdan l-għaqda JCI, fejn qalet li huwa sabiħ li tara żagħżagħ li jemmnu fil-kunċett Ewropew u fl-għaqda li jeħtieġ li jkollna – mhux biss fl-Unjoni iżda anki fil-kontinent.
“Messaġġ tiegħi kien ejjew nibqgħu maqgħqudin, bħalissa qed naffaċċjaw għadd ta’ inċertezzi, iżda rridu nibqgħu magħqudin” – Roberta Metsola
Mistoqsija wkoll dwar il-laqgħa li se jkollha mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni nhar il-Ħamis li ġej, Roberta Metsola tenniet li l-Italja trid tibqa’ fiċ-ċnetru tal-Unjoni bħal kull pajjiż ieħor.
“Diġà tkellimt magħha, biex naraw li nassiguraw li l-Italja tibqa’ fiċ-ċentru, hemm bżonn dan il-pajjiż jibqa’ favur l-Unjoni, se nitkellmu kif dan il-pajjiż jista’ jkun aktar alleat tal-Unjoni u jimxi aktar ‘il quddiem bħal kull pajjiż membru ieħor” – Roberta Metsola
//= $special ?>