Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq ġrieħi ħfief lis-sieħba tiegħu wara li allegatament ittraditu

Raġel ta’ 40 sena residenti Gżira ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal 30 xahar wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda f’Ħal Luqa kkawża ġrieħi ħfief u hedded lis-sieħba tiegħu wara li allegatament kienet qed ikollha relazzjoni ma’ raġel ieħor.

L-Avukat tiegħu Frank Cassar qal lill-Qorti li l-vittma hawn huwa r-raġel anke jekk għamel ħażin li ħebb għaliha. Huwa qal li s-sieħba tiegħu li hija uffiċjal tal-pulizija u li minnha l-akkużat għandu tifla ta’ tliet snin. Tenna li ilhom seba’ snin flimkien bl-akkużat jirċievi telefonata mingħand ħabiba tas-sieħba tiegħu li qaltlu li kienet qed titradih.

L-akkużat li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma huwa akkużat ukoll li għamel ħsara lill-karozza tas-sieħba tiegħu u li kiser il-paċi pubblika wettaq ir-reat meta huwa kkonfronta lis-sieġba tiegħu. Viżibilment inkwetat id-difiża spjegat lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li r-raġel huwa ffissat fuq is-sieħba tiegħu u għadu jħobbha mmens.

Fil-qorti ħareġ ukoll li mhux biss dan kien inċident ta’ darba iżda li l-akkużat qatt ma rifes l-għatba tal-Qorti. Hawn ukoll deher l-aspett uman tal-Qorti li minbarra li wissiet lill-akkużat bil-konsegwenzi jekk jerġa jikser difrejh mal-ġustizzja qaltlu biex iħares il-quddiem u jibda ħajja ġdida.

Qaltlu li l-familja u s-saħħa huma l-aqwa ħaġa u speċjalmet fir-rigward tal-fatt li għandu tifla wkoll x’jieħu ħsieb. Madankollu saħqet miegħu wkoll biex jirregola t-tempra tiegħu. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trażżin għal sena biex l-akkużat ma jagħmilx kuntatt mas-sieħba tiegħu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.