Lokali Qorti

18-il xahar ħabs wara li għadda d-droga lil gwardjan biex jgħaddiha lill-priġunieri

Raġel ta’ 47 sena residenti l-Ħamrun, li huwa magħruf sew mal-Pulizija ġie ikkundannat 18-il xahar ħabs u multa ta’ €1,500 wara li nstab ħati li għadda d-droga lil gwardjan tal-ħabs biex dan jgħaddiha lill-priġunieri fuq każ li jmur lura aktar minn 17-il sena ilu. Dan il-każ kien assenjat lill-ġudikanti oħra u għalhekkl ħa fit-tul, fejn fosthom kien hemm min minnhom sar Imħallef.

Christopher Schembri, magħruf bħala r-Rambo, instab ħati li fis-26 ta’ Lulju 2005, u fix-xahar ta’ qabel, ittraffika d-droga eroina u ftiehem ma’ persuna jew persuni oħra biex jittraffikaha. Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ħareġ li dakinhar tal-każ il-gwardjani tal-ħabs għamlu tfittxija fuq il-kollega tagħhom Raymond Gerada.

Fil-kartiera tiegħu sabulu borża tal-plastik li kien fiha trab kannella li rriżulta li kien eroina u ġiet infurmata l-Pulizija li bdiet tinvestiga. Dak iż-żmien Gerada, li kien ilu 12-il sena jaħdem bħala gwardjan tal-ħabs, fejn tenna li huwa kien avviċinat mill-akkużat li kien jafu kemm għax kien għamel żmien priġunier kif ukoll għax kien miżżewweġ it-tifla ta’ raġel ieħor li kien fil-ħabs.

Huwa qal li Schembri għaddielu borża plastik u talbu jgħaddiha lil missier il-mara u ammetta li ħaseb li din kienet droga għalkemm ma kienx jaf eżatt x’tip. Gerada, li minħabba f’hekk kioen daħal fl-inkwiet kien ċaħad li ħa xi flus jew li kien imwiegħed xi ħlas u kkonferma li dwar dan il-każ ittieħdu passi kontrih.

Fix-xiehda tiegħu Schembri ċaħad li qatt għadda xi droga lil ħatnu waqt li l-istess ħatnu xehed li huwa qatt ma talab lil xi ħadd biex idaħallu d-droga. Social worker qalet fix-xhieda tagħha li l-akkużat segwa kors kontra l-vizzju tad-droga eroina.

Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Galea Sciberras sostniet li hija temmen il-verżjoni ta’ Gerada li l-akkużat għaddielu d-droga biex jgħaddiha lil ħatnu. Meta ġiet biex tagħti l-piena hija kkunsidrat li matul is-snin Schembri kien instab ħati ta’ diversi reati fosthom serq, ħsara volontarja, ġarr ta’ arma u kkauġa ġrieħi ħfief fuq persuna.

Il-Qorti qalet fid-deċiżjoni tagħha li Schembri nqeda b’uffiċjal tal-ħabs biex idaħħal id-droga f’post intiż għar-riforma u r-rijabilitazzjoni ta’ dawk li hemm fih u qieset ukoll li huwa għamel progress f’ħajtu fil-ġlieda kontra l-vizzju tad-droga. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Dennis Theuma.