L-isport minn età żgħira kien għal qalbu… u kien għalhekk li ħass li ried jagħmel xi ħaġa bit-talenti tiegħu biex ikun jista’ jgħin lill-kreaturi fl-ibħra Maltin.
Dan hu Liam Daly, tifel ta’ 11-il sena li t-Tlieta filgħodu għamel għawma bejn Malta u Għawdex biex iqajjem iktar għarfien dwar il-ħsara tal-ħmieġ fil-baħar u fl-istess waqt jiġbor fondi biex jgħin lil Nature Trust Malta.
L-għawma ħaditu miċ-Ċirkewwa lejn art twelidu f’Imġarr ix-Xini – sfida ta’ madwar seba’ kilometri li damet għal ftit iktar minn sagħtejn.
Biex seta’ jagħmel b’suċċess din l-għawma, Liam kellu mhux biss jitħarreġ fiżikament iżda wkoll jipprepara mentalment. Sfida li mhix se tieqaf hawn.
Minkejja li Liam sab diversi ostakli, fosthom il-kurrent li kien kontrih, warajh sab diversi persuni jagħtuh is-sapport matul l-għawma. Fosthom lil ommu, Sandra.
Preżenti għall-bidu tal-għawma kien hemm il-President ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard li għadda l-messaġġ tiegħu lill-pubbliku.
Din kienet ir-raba’ edizzjoni ta’ Liam’s Swim – Keep the Sea Plastic Free fejn sena wara sena, it-tifel qed ikompli iżid id-distanza tal-għawma sabiex ikompli jqajjem għarfien dwar il-ħsara tal-plastik fl-ibħra tagħna.
//= $special ?>