Is-sewwieqa tat-trakkijiet li l-maġġoranza assoluta tagħhom jappoġġjaw lill-President Brażiljan li wasal biex jispiċċa għalqu t-toroq madwar il-pajjiż bħala protesta għat-telfa elettorali ta’ Jair Bolsonaro fil-konfront tar-rivali tax-xellug Luiz Inacio Lula da Silva.
Il-protesti spikkaw fl-Istati Brażiljani kollha ħlief għal tnejn u bir-riżultat ta’ inkonvenjenti kbar għan-nies – fost l-impatt dirett għat-trasport tal-ikel u affarijiet essenzjali oħrajn minn post għall-ieħor.
L-għadd tal-voti fl-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa issa hu konkluż, b’Lula jikseb 50.9 fil-mija tal-voti validi waqt li Bolsonaro kiseb ftit aktar minn 49 fil-mija.
Madankollu, Bolsonaro – eks fizzjal militari u politiku estrem tal-lemin – baqa’ ma ammettiex it-telfa anki jekk fl-ebda ħin ma sfida r-riżultat tal-elezzjoni.
Dan meta hemm tħassib li Bolsonaro kapaċi jagħmel il-basten fir-roti lil Lula waqt li jikkomplika l-perjodu tat-tranżizzjoni ( fuq xahrejn) sakemm Lula da Silva – eks-President tal-Brażil – jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-Ewwel ta’ Jannar.
//= $special ?>

