Fil-bidu ta’ xahar li fih l-Insara madwar id-dinja jfakkru l-għeżież tagħhom li ħallew din l-art, il-Knisja tiċċelebra l-Festa tal-Qaddisin kollha.
Din il-festa tiġi iċċelebrata fl-1 ta’ Novembru fil-knejjes tal-Punent, u fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-Pentekoste fil-knejjes tal-Lvant.
Illum, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Waqt il-quddiesa żewġ seminaristi jirċievu l-Ministeru tal-Akkolitat. Iċ-ċelebrazzjoni tibda fis-6pm.
L-akkoliti huma persuni li jgħinu lis-saċerdoti waqt iċ-ċerimonji, partikolarment waqt il-quddiesa. U għalhekk, is-seminaristi issa se jkunu jistgħu jgħinu direttament fit-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Intant l-Erbgħa l-Knisja Kattolika tfakkar is-Solennità tal-Erwieħ kollha, b’ħafna jkunu dawk li jżuru l-oqbra ta’ qrabathom fiċ-ċimiterji, jitolbu għal ruħhom filwaqt li jħallu xi bukkett fjuri u xi xemgħa tnemnem.