Ambjent Lokali Transport

Il-proġett tal-Imsida fih diversi “nuqqasijiet kbar”

Il-ġimgħa li għaddiet, Infrastructure Malta żvelat il-pjanijiet ġodda għal flyovers fl-Imsida b’illustrazzjonijiet ta’ siġar maturi imma b’nuqqasijiet kbar fejn tidħol il-prijoritizzazzjoni ta’ mezzi ta’ trasport pubbliku u attiv (nies bil-pass, ċiklisti, u oħrajn). 

Dan qaluh 11-il organizzazjoni fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Dawk l-organizzazjonijiet qalu li filwaqt li l-pjanijiet il-ġodda jistgħu jitqiesu estetikament aħjar mill-pjanti oriġinali, organizzazzjonijiet u esperti fil-qasam jinnotaw kif dan il-proġett infrastrutturali kbir ta’ bosta miljuni għal darb’oħra qed jonqos milli jaqdi l-karattru soċjali u funzjonali tal-Imsida, lil hinn minn junction għat-traffiku tal-karozzi.

L-istqarrija maħruġa illum:

L-Imsida Creek hija l-ewwel u qabel kollox iċ-ċentru soċjali u kulturali tal-belt tal-Imsida, iżda wkoll intersezzjoni pedonali importanti għall-komunità lokali, membri tal-istituzzjonijiet edukattivi li hemm viċin, u nies li jużaw it-trasport pubbliku.
L-organizzazzjonijiet jinnotaw b’dispjaċir li 

  • Ma hemm l-ebda rotot sikuri għal min mhux bil-karozza bejn l-Imsida u l-Università u l-iskate park, kif ukoll bejn l-Imsida u Birkirkara, wieħed mill-iktar postijiet popolati f’Malta
  • ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ korsiji esklussivi għall-karozzi tal-linja
  • hemm nuqqas totali ta’ infrastruttura speċifikament għaċ-ċiklisti, li bil-pjanti preżenti jridu jaqsmu l-aċċess man-nies bil-pass f’żona magħrufa għad-densita’ kbira ta’ nies jimxu.

Nagħmlu referenza għat-talbiet speċifiċi li tpoġġew mill-organizzazzjoni Rota li jinstabu hawn: https://www.rota.mt/msida-creek/
Dawn il-pjanijiet ma jagħrfux il-fatt li l-bajja tal-Imsida hija, l-ewwel u qabel kollox, iċ-ċentru soċali u kulturali tal-lokalità, kif ukoll żona importanti għal nies li qed jimxu bejn istituzzjonijiet edukattivi, nies li jużaw it-trasport pubbliku, u għall-membri tal-komunita’ tal-inħawi. Għalhekk aħna frustrati li dan il-proġett jibqa’ jqis din iż-żona, kważi esklussivament, bħala intersezzjoni għall-karozzi.

Barra minn hekk, ninnutaw ukoll kif, skont il-pjanijiet il-ġodda, il-komunita’ tas-sajjieda li jużaw il-bajja tal-Imsida se tiġi rilokata f’kanali dojoq. Apparti x-xettiċiżmu li għandna lejn il-manutenzjoni ta’ dawn il-kanali, jidher li dan qed isir sabiex jingħata spazju għal estensjoni tal-yacht marina fil-qalba tal-Imsida. Dan jagħti l-messaġġ li n-negozju l-kbir qed jibqa’ jingħata prijorita’ fuq il-komunita’. L-istess jista’ jingħad dwar l-ippjanar ta’ proġetti infrastrutturali, fejn il-konsultazzjoni pubblika ħafna drabi tieħu l-forma ta’ eżerċizzju ta’ box-ticking iktar milli tentattiv biex jinħoloq spazju li jaħseb għall-bżonnijiet tal-komunità.

Il-mudell li qed timbotta Infrastructure Malta intwera li jfalli malajr ħafna, hekk kif il-Marsa u Central Link jibqgħu żoni konġestjonati ta’ traffiku qawwi u mwiet fit-toroq. Proġetti bħal dawn ikomplu jdgħajfu s-saħħa fiżika u ambjentali tagħna, u m’għandhomx ikunu l-qofol tal-infiq nazzjonali, meta fl-istess waqt hemm nuqqas ta’ rieda politika u nuqqas ta’ investiment finanzjarju għal promozzjoni tal-ivvjaġġar pubbliku u attiv.

Aħna nilqgħu l-fatt li Infrastructure Malta irrivedew il-pjanijiet oriġinali u inkorporaw uħud mill-ilmenti tal-pubbliku, bħar-rilokazzjoni taż-żona pedonali għal quddiem il-knisja u titjib fl-estetika tal-proġett. Għalhekk nistennew li jerġgħu jikkunsidraw is-suġġerimenti tagħna u tal-esperti sabiex din iż-żona tingħata il-viżjoni fit-tul li jistħoqqilha.

Din l-istqarrija għall-istampa hija approvata mill-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Din l-Art Ħelwa, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Nature Trust – FEE Malta, BirdLife Malta, Rota, Extinction Rebellion Malta, ACT u Ramblers Malta.