Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Rebħ għal Starlites u Luxol fit-tielet ġurnata

Minn Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 74                 

ARMS Depiro 56

(23-18)(20-7)(10-15)(16-16)

Ic-champions Caffè Moak Luxol irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat Mapfre MSV life meta għelbu lil ARMS Depiro 74-56, Luxol iddominaw it-tieni sessjoni fejn fetħu vantaġġ ta’ 20 punt u ftit taw ċans lil Depiro biex jirkupraw. Immexxija mill-koppja Gladiana Avila u Josephine Diaby li bejniethom għamlu 50 punt, Luxol kienu wkoll sodi fid-difiża mħeġġa kontinwament mill-coach Santino Coppa. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat biż-żewġ timjiet jirrispondu lil xulxin bit-trippli minn Casey Jo Samuels u Nicole Agius għal Depiro u l-punti ta’ Avila u Diaby għal Luxol li ħallewhom fuq quddiem 11-8. Depiro ħadu l-vantaġġ wara żewġ trippli oħra minn Samuels però Mandi Mercieca wieġbet għal Luxol li temmew l-ewwel sessjoni 23-18 minn fuq. Luxol fetħu t-tieni perjodu bil-punti ta’ Anna Fenech Pace b’Agius tagħmel trippla oħra għal Depiro. Hawn Luxol kellhom run ta’ 14-2 b’żewġ trippli minn Paula Ellul u Avila biex kabbru l-vantaġġ għal 20 punt qabel ma Julia Borg għamlet l-aħħar basket ta-sessjoni għal skor ta’ 43-25.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess bid-Depiro ma jirnexxielhomx jagħmlu reazzjoni u Luxol kellhom run oħra ta’ 10-2 flimkien ma’ trippla ta’ Fenech Pace. Lejn tmiem it-taqsima, Depiro naqqsu d-distakk wara ħames punti konsekuttivi bi trippla ta’ Samuels u basket ta’ Agius għal skor ta’ 58-40. Fl-aħħar sessjoni, Luxol reġgħu marru 20 minn fuq 67-47 bil-punti ta’ Mercieca u Avila. Agius għamlet ir-raba’ trippla tagħha fil-partita però Depiro kienu għadhom wisq ‘l bogħod u l-aħħar minuti offrew l-aħħar punti ta’ Avila u Diaby għal Luxol u Samuels għal Depiro biex Luxol ħarġu rebbieħa 74-56.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami, V. Selvaggi, M. Mercieca 11, L. Fenech Pace 2, F. Camilleri, H. Galea, G. Avila 27, K. Portelli, P. Ellul 4, M. Camilleri, J. Diaby 23, A. Fenech Pace 7.

Depiro: N. Agius 18, J. Xerri 6, A. Mallia, J. Mallia, C. Ciantar 11, N. Hili, C. Samuels 20, J. Borg 8, M. Micallef, C. Fenech 2, J. Magri, E. Cassar

Referees: Bernard Vassallo, Matthew Scerri, Zvezdan Dobrosaviljevic

Hibernians 56                  

Starlites FIJO 63

(13-18)(17-13)(14-15)(11-17)

Starlites FIJO komplew sejrin bir-rebħ wara li għelbu lil Hibernians 63-55 f’partita li rriżultat kumbattuta aktar milli mistenni. Għal Hibs kien hemm ir-ritorn ta’ Samantha Brincat fl-ewwel dehra tagħha għal dan l-istaġun fil-waqt li Starlites kienu bl-istess formazzjoni tal-aħħar partita tagħhom. Kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu tal-partita bi Steffi De Martino tiftaħ tajjeb flimkien ma’ Amelia Simmons u Michela Zammit Cordina għal vantaġġ ta’ 8 punti 11-3. Wara li Hibs wieġbu bi trippla ta’ Jasmine Abela u l-ewwel punti ta’ Brincat, De Martino għamlet it-tieni trippla tagħha għalkemm kienu l-Pawlisti li għamlu l-aħħar punti minn trippla ta’ Ashleigh Van Vliet għal skor ta’ 18-13. Fit-tieni sessjoni, Starlites dehru fil-kontroll tal-partita meta fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt wara baskets minn Simmons, Christina Curmi u Mikela Riolo 31-17. Hawn però l-punti tagħhom waqfu u kienu Hibs li b’run ta’ 13-0 naqqsu d-distakk għal punt. Huma kellhom il-punti ta’ Abela, Van Vliet, Iona Agius u Julija Dabic biex fl-intervall punt biss kien jifred liż-żewġ timijiet 30-31.

Fit-tielet sessjoni, Hibs marru fuq quddiem għal darbtejn wara punti minn Dabic u trippla ta’ Brincat. Starlites irkupraw u għamlu run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Andie Saliba però Hibs baqgħu viċin fejn huma wkoll kellhom trippla ta’ Van Vliet flimkien ma’ basket ta’ Kelly Conti għal skor ta’ 46-44. Fl-aħħar taqsima, kien hemm il-punti minn Saliba, Simmons u Zammit Cordina biex Starlites baqgħu fuq quddiem 52-46. Hibs reġgħu waslu viċin però Riolo kellha trippla li ħalliet lil Starlites b’vantaġġ ta’ sitt punti. Għalkemm il-Pawlisti waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod, il-ħin kien kontrijhom u Starlites għalqu l-partita bil-punti ta’ Simmons u Zammit Cordina biex ħadu r-rebħa 63-55..

Hibernians: E. Farrugia, I. Agius 5, A. Legarra 1, A. Van Vliet 17, S. Brincat 7, B. Agius,J. Abela 7, N. Farrugia, K. Caruana 8, K. Conti 2, K. Calleja, J. Dabic 8.

Starlites FIJO: M. Zammit Cordina 6, M. Riolo 9, A. Saliba 9, S. Farrugia, M. Sciberras, S. De Martino 12, M. Fenech, A. Simmons 25, C. Cilia, K. Mifsud, S. Davies, C. Curmi 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu, Gianfranco Russo