Wara l-istorja żvelata minn In-Nazzjon nhar is-Sibt li għadda dwar kif il-Qorti tal-Appell il-ġimgħa l-oħra kkonfermat sentenza tal-Ewwel Qorti u ordnat lill-Avukat Edward Gatt biex iħallas €30,000 lil mara wara li ma wettaqx il-verifiki kollha meħtieġa, avukat ieħor Malti – l-Avukat Pio Valletta – kien ordnat mill-Qorti biex iħallas xejn inqas minn €300,000 f’kumpens lil armla Każakistana wara li l-istess Qorti ċaħdet it-talbiet imressqa mill-avukat li l-eks klijenta tiegħu kienet ippreżentat il-każ tagħha ħażin.
Din hi storja li tikkonċerna lill-Avukat Pio Valletta li kien l-avukat tal-origarka mill-Każakistan Rakhat Aliyev li fl-2015 kien miet f’ċella f’ħabs Awstrijak wara li kien wettaq suwiċidju. Proprju fiż-żmien meta l-mara tiegħu Elnara Shorazonva kienet qed tgħix f’Malta wara li l-koppja kienet diġà għamlet perjodu tgħix fil-gżejjer Maltin.
Jirriżulta li Elnara Shorazova kienet ippreżentat kawża fil-Qorti fejn kienet qalet li kienet ittrasferiet €2.4m lill-Avukat Pio Valletta lura fl-2010 u bl-istruzzjonijiet ċari li dawn il-flus ikunu depożitati f’kont bankarju f’isem A&P Power Ltd li kienet kumpanija reġistrata f’St Kitts u Nevis.
Jirriżulta mill-proċess fil-Qorti li Rakhat Aliyev u martu Elnara Shorazova ma kinux il-benefiċjarji tal-kumpanija A&P Power Ltd u fis-sena ta’ wara kien irriżulta li l-Avukat Pio Valletta fil-fatt kien iddepożita biss €2.2 miljun u mill-kont bankarju tal-kumpanija kienu nġibdu €700,000.
Waqt is-smigħ tal-proċeduri fil-Qorti, l-Avukat Pio Valletta kien xehed li hu kien dovut li jieħu dawn il-flus għas-servizzi professjonali tiegħu, iżda l-armla Elnara Shorazova kienet ċaħdet l-argumenti tal-avukat Malti.
Sussegwentement kienu nfetħu proċeduri legali biex ikunu rkuprati d-€900,000 nieqsa mis-somma oriġinali u fl-2012 iż-żewġ partijiet kienu laħqu ftehim li permezz tiegħu l-Avukat Pio Valletta kien qabel li jħallas lura s-somma bin-nifs matul is-snin snin ta’ wara.
Skont dan il-ftehim jirriżulta li Elnara Shorazova kienet qalet li l-Avukat Pio Valletta kellu jħallas biss €600,000 jekk il-ħlasijiet kollha jsiru fil-ħin. Jekk il-ħlasijiet ma jsirux fil-ħin allura l-Avukat Pio Valletta kien se jitlef it-€300,000 l-oħra.
Jirriżulta fil-fatt li l-Avukat Pio Valletta kien għamel l-ewwel pagament qabel iż-żmien iżda l-pagamenti l-oħra ma kenux baqgħu jsiru fil-ħin.
Hawnhekk kien qam l-argument min-naħa tal-Avukat Pio Valletta li fil-fatt hu kien għamel dan il-ftehim ma’ Rakhat Aliyev u mhux magħha bir-riżultat li l-istess Elnara Shorazova baqgħet tinsisti għall-flus tagħha filwaqt li l-Avukat Pio Valletta baqa’ jinsisti li hu ma kellu x’jaqsam xejn mat-trasferimenti ta’ dwn il-fondi.
Jirriżulta li hawnhekk l-Avukat Pio Valletta kien iffaċċjat bi proċeduri kriminali dwar dan il-każ u kien spiċċa akkużat fil-Qorti b’miżapproprjazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Eventwalment, fl-2017, hu kien ġie liberat
minħabba nuqqas ta’ provi. Dan waqt li Elnara Shorazova kienet irrifjutat li tiġi Malta biex tixhed, minħabba s-sigurtà tagħha proprju sentejn wara li żewġha kien wettaq suwiċidju.
Bil-każ jissokta fil-Qrati Maltin, issa quddiem l-Imħallef Robert Mangion, jerġa’ jidħol fid-dettalji tal-każ u din id-darba jiddeċiedi li hemm provi biżżejjed fil-konfront tal-Avukat Pio Valletta li kien ordnat mill-Qorti biex iħallas lil Elnara Shorazova s-somma ta’ €300,000.
//= $special ?>