Il-poplu Iżraeljan qed jivvota fil-ħames elezzjoni ġenerali f’anqas minn erba’ snin – bil-Partit Likud tal-eks Prim Ministru Benjamin Netanyahu kapaċi jirritorna fil-poter wara li rnexxielu jżid l-appoġġ tiegħu qabel il-vot.
Fil-fatt, l-aħħar stħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni indika li Netanyanhu, politiku tal-lemin veteran, kapaċi jispiċċa b’siġġu wieħed biss anqas minn maġġoranza assoluta – u meta hemm possibbiltà kbira li hu, din id-darba, ma jsibx diffikultà biex jgħaqqad Gvern ta’ koalizzjoni.
Fl-aħħar xhur, Iżrael spiċċa fi staġnar politiku mingħajr l-ebda preċedent mis-sena 2019. Dan meta Netanyahu, li hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li qatt dam fil-kariga, kellu jiffaċċja akkużi ta’ tixħim, frodi u ksur tal-fiduċja tal-poplu – liema akkużi hu qed jiċħad għalihom b’mod kategoriku.
Benjamin Netanyahu kellu jitlaq mill-poter f’nofs is-sena li għaddiet meta Yair Lapid, politiku taċ-ċentru, ifforma koalizzjoni sorpriża, flimkien mal-partiti tal-lemin, liberali u tal-Għarab, li huma kollha maqgħqudin kontra Netanyahu.
Dan il-Gvern, intant, ikkrolla f’Ġunju, b’Lapid jispiċċa Aġent Prim Ministru minbarra li r-rivali ewlieni ta’ Netanyahu f’din l-elezzjoni. Intant, Benjamin Netanyahu issa qiegħed jipprova għal sitt mandat ta’ poter li hu rekord għal Iżrael.
Fl-istess ħin, Netanyahu żied il-popolarità anki minħabba ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Likud u l-Partit taż-Żijoniżmu Reliġjuż tal-lemin estrem… Partit li l-Kapijiet tiegħu, Itamar Ben-Gvir and Bezalel Smotrich, iħaddnu politika tal-Lhud fuq livell supremaċista.
Jekk kemm-il darba Netanyahu u dawn l-alleati ġodda jirnexxilhom iwaqqfu koalizzjoni, l-iżvilupp għandu jfisser sfida sinifikanti għall-alleati internazzjonali ta’ Iżrael.
Madankollu, qed jidher li dejjem aktar Iżraeljani huma favur Gvern li kapaċi jiddefendi lis-sigurtà ta’ Iżrael u li għandhom kull fiduċja f’Netanyahu u l-Partit taż-Żijoniżmu Reliġjuż.
Dan ukoll meta l-Partit tax-xellug, Meretz, u l-partiti tal-Għarab, li huma mifnija bid-diżgwid intern, jinsabu f’periklu li lanqas ma jilħqu t-threshold elettorali.
//= $special ?>

