Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, żar id-distrett ta’ Morbi, fl-Istat ta’ Gujarat, ftit tal-jiem wara l-kroll ta’ pont ewlieni li kien sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 100 persuna.
Din qed titqies bħala l-akbar traġedja fl-Indja għal għexieren ta’ snin, bl-iskwadri tas-search and rescue għadhom qegħdin ifittxu għall-katavri wara li l-pont, nhar il-Ħadd, ikkrolla dritt fix-Xmara ta’ Machchu.
Ir-rapporti qalu li diversi mijiet ta’ nies kienu fuq dik l-istruttura fil-ħin meta kkrollat, b’ħafna minnhom imutu immedjatament wara li spiċċaw fix-xmara.
Il-pont – li kien imur lura għall-era kolonjali – kellu jċedi ftit wara li reġa’ infetaħ wara li kien sarlu xogħol ta’ manutenzjoni li dam għaddej ix-xhur.
Sadanittant, l-awtoritajiet Indjani arrestaw disa’ persuni li qed jgħinu fl-istħarriġ dwar il-kroll – b’dawn jinkludu ħaddiema tal-kumpannija li ngħatat il-kuntratt għall-manutenzjoni tal-pont..
Il-pont ta’ Machchu – li kien twil 230 metru –inbena meta l-Indja kienet għadha taħt l-amministrazzjoni tal-Britanniċi, fis-seklu statax.
Intant, l-istess pont sa ftit ilu kien attrazzjoni kbira għat-turiżmu lokali, bl-awtoritajiet turistiċi tal-Indja jirreferu għalih bħala ‘l-aqwa eżempju ta’ teknoloġija artistika’.
Fl-aħħar jiem, l-Indja kienet qed tosserva perjodu ta’ luttu għall-vittmi li fil-ħin tat-traġedja kienu qed jiċċelebraw ir-ritwali ta’ festival reliġjuż fuq dan il-pont.
L-awtoritajiet f’Gujarat, li jinsab fil-Punent tal-Indja, għadhom qed jinvestigaw l-inċident bir-reqqa u wara li l-pulizija f’Gujarat ressqet każ speċifiku kontra l-aġenzija responsabbli mill-manutenzjoni tal-pont.
//= $special ?>

