Basketball Sport

MBA Shield Irġiel: Finali bejn Starlites FIJO u Mellieħa Libertas Spalding

Minn Colin Schembri

Starlites FIJO 75

Depiro 66

(17-18)(25-24)(27-20)(6-4)

Starlites FIJO saru l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Shield però kellhom jitħabtu biex jegħlbu l-isfida tad-Depiro li baqgħu viċin tagħhom għal ħin twil. Għal Starlites kien hemm id-debutt tal-Amerikan Jordan Notch li ħa post Melvin Newbern fil-waqt li Depiro żiedu lill-Kanadiż Jordan Scott Flagel fl-iskwadra tagħhom. Depiro kellhom l-aħjar bidu tal-partita fejn ħasdu lill-avversarji b’10 punti mingħajr risposta fosthom trippli minn Cornelius Cameron u Andrew Aquilina flimkien mal-punti ta’ Kameron Rooks. Starlites finalment wieġbu permezz ta’ Darius George li għamel żewġ baskets konsekuttivi però punti minn Cornelius komplew iħallu lil Depiro fuq quddiem minkejja trippla ta’ Alec Felice Pace għal Starlites. Depiro marru 18-7 minn fuq però hawn waslet reazzjoni tajba mic-champions li għamlu run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Matthew Scerri u l-punti ta’ Felice Pace biex naqqsu d-distakk għal punt 17-18. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Depiro reġgħu kabbru l-vantaġġ wara punti minn Rooks qabel ma Starlites wieġbu b’żewġ trippli minn George u Matthew Attard biex għamlu l-iskor indaqs 25-25. Depiro rkupraw u kellhom it-trippli minn Aquilina u Miguel Brincat biex reġgħu marru 37-31 minn fuq. Starlites finalment irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ għall-ewwel darba wara punti minn Ian Felice Pace u Kurt Xuereb 42-40 però Depiro ppareġjaw il-partita sa’ tmiem it-taqsima 42-42.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin bil-vantaġġ jdur minn naħa għall-oħra hekk kif kien hemm ukoll it-trippli minn Brincat għal Depiro u Scerri għal Starlites. Starlites kellhom mument tajjeb b’run ta’ 9-3 fosthom żewġ trippli minn Attard u sa’ tmiem it-taqsima marru sebgħa minn fuq 69-62. Fl-aħħar sessjoni, ftit kien hemm ċans għal Depiro hekk kif Starlites kien jonqoshom biss sitt punti għat-tragward finali u għamluhom minn Ian u Alec Felice Pace u basket ta’ George biex għalqu l-partita 75-66.

Hibernians: G. Cassar 6, M. Vucinic, D. Brincat, L. Attard, L. Borg 4, R. Aquilina, Starlites FIJO: A. Felice Pace 18, M. Attard 9, J. Notch 4, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 10, R. Carabott, L. Farrugia 2, K. Xuereb 4, N. Sultana, D. George 24.

Depiro: J. Flagel, B. Nel, A. Aquilina 13, N. Grech, A. Attard, S. Kenely, K. Rooks 20, M. Brincat 12, M. Mallia, C. Cornelius 19, M. Debattista 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu.

Mellieħa Libertas Spaldning 75

Gżira Athleta 43

(19-13)(22-12)(26-11)(8-2)

Se jkunu Mellieħa Libertas Spalding li se jaffrontaw lil Starlites fil-finali tas-Shield hekk kif huma għelbu lil Gżira Athleta 75-43 fejn irridu ngħidu li kienu superjuri tul il-partita kollha bl-Amerikan Connor Ziniach ikollhu wirja oħra tajba megħjjun tajjeb ferm fost l-oħrajn minn David Bugeja u Vukassin Jandric. Athleta kellhom id-debutt tat-tieni Amerikan tagħhom Jalen King li però kellhu partita kwieta għal fatt ukoll li wasal Malta jumejn ilhu. Wara li Roland Griffen għamel l-ewwel basket tal-partita, Mellieħa kellhom risposta b’sitt punti minn Ziniach flimkien ma’ Jandric u Nenad Bukva. Jandric kompla b’żewġ trippli flimkien u minkejja li Athleta kellhom il-punti ta’ Nathan Xuereb u Billy Zammit, Mellieħa temmew l-ewwel taqsima 19-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti ta’ Ziniach komplew ġejjin b’mod regolari biex Mellieħa fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 28-18. Għall-Athleta rrisponda Xuereb flimkien ma’ Francesco Mifsud Bonnici però l-vantaġġ ta’ Mellieħa baqa’ stabbli hekk kif trippla ta’ Bugeja eżatt mat-tmiem il-perjodu rathom jidħlu jistrieħu 41-30 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma Mellieħa kellhom run qawwija ta’ 17-0 biex temmew kull tama tal-Athleta li jsalvaw il-partita. Huma kellhom fost l-oħrajn trippli minn Jandric u Robert Bonnici flimkien ma’ sensiela ta’ punti minn Ziniach u Isaac Bonett u t-taqsima għalqet b’Mellieħa fuq quddiem 67-41. L-aħħar sessjoni fetħet bi trippla oħra ta’ Mellieħa minn Nikola Jovanovic biex issa huma kienu viċin tar-rebħa. Fil-fatt, wara basket ta’ Griffen għall-Athleta waslu l-aħħar 5 punti ta’ Mellieħa minn trippla ta’ Bugeja u basket ta’ Miguel Falzon biex rebħu l-partita 75-43.

Mellieħa Libertas: S. Zammit 1, M. Falzon 2, D. Bugeja 11, R. Bonnici 3, V. Jandric 18, I. Bonett 7, N. Bukva 4, N. Jovanovic 3, C. Ziniach 26, M. Formosa.

Gżira Athleta: J. King 4, F. Mifsud Bonnici 4, N. Buhagiar 6, K. Coloman, L. Stefanovic, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 10, R. Griffin 17, I. Xuereb, S. Vincic, R. Abela, B. Zammit 2.

Referees: Bernard Vassallo, Daniella Torok, Ionut Ciurariu