Lokali Saħħa

“Pazjenti taħt l-art – biex jieħdu d-demm l-infermieri jridu jixegħlu t-torċ tal-mobile” – Bernard Grech

Fl-2018, il-Ministru Chris Fearne qalilna li l-Isptar Monte Karmeli għadu ta’ żmien Charles Dickens…4 snin wara għadu qed jiftaħar bl-immodernizzar…minkejja li f’dan il-perjodu kien jilħaq jibni sptar ġdid.

U waqt li qed jiftaħar bl-immodernizzar f’Monte Karmeli l-infermieri qed jgħidulna li ngħalqu tmien swali f’dan l-isptar minħabba nuqqas ta manutenzjoni b’periklu għal pazjenti u professjonisti.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech waqt ir-Replika għall-budget it-Tnejn filgħaxija fejn insista li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei mhux aħjar…bil-pazjenti jitqiegħdu fil-canteen tal-impjegati, fil-librerija u kuriduri taħt l-art.

“Kulhadd jafha din. Kull min għandu xi ħadd tal-familja fil-Canteen, l-MIU 6 jew barra l-Canteen, jew taħt l-art fl-MIU1, jew fil-librerija l-MIU4. Dawn l-anqas fejn jinħaslu suriet in-nies ma għandhom. Lanqas toilet. Għandhom portable toilet – li jridu jużawh għexieren ta’ pazjenti bejniethom.  Fejn huma l-fondi biex nibnu swali ġodda? Fejn huma l-fondi biex għall-inqas nipprovdu l-pazjent id-dinjita’ bażika li meta jigi tabib jarah u jeżaminah quddiem kulħadd, nisa u rġiel? Dawn kundizzjonijiet tat-tielet dinja.

Huwa saħaq li taħt l-art lanqas tieqa m’hemm bis-sodod iħokku ma’ xulxin, fejn lanqas l-apparat ma’ jista’ jgħaddi.

“It-tobba jużaw it-torch tal-mobile biex jaraw jieħdu d-demm tal-pazjenti f’dawn is-swali. Din hi l-verita..poplu Malti u Ghawdxi!

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li meta d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ppubblika ritratti tal-oxxenitajiet li hemm fl-isptar…il-Ministru Fearne gideb u ċaħad.

Dan filwaqt li insista li hemm diversi mediċini out of stock fl-Isptar Mater Dei…saħansitra dawk komuni…bil-pazjenti jintbgħatu jixtru minn buthom. Huwa saħaq li saħansitra tagħmir bażiku huwa nieqes.

“Bħalissa fl-isptar anki antibijotici komuni qegħdin out of stock. Pazjenti qegħdin jintalbu jgħidu lil tal-familja biex jixtrulhom antibiotiċi minn spiżeriji privati u jeħduhomlhom l-isptar biex ikollhom biex jittrattaw l-infezzjonijiet.  U dawn mhux xi mediċini speċjali. Dawn antibijotiċi komuni – amoxicillin, clindamycin, ciproxin. Imma mhux biss. Għandna rapporti li anki ngwanti li jużaw għall-operazzjonijiet, gowns tal-operazzjonijiet, suturi li jintużaw biex iħitu l-ġilda waqt operazzjonijiet li huma neqsin.

Dan filwaqt li Bernard Grech sostna li dan il-budget ma ndirizza assolutament xejn it-tnaqqis ta’ infermiera fil-pajjiż…u l-ftit li għandna qed jiġu trattati ħażin…inkluż dawk gradwati ġodda.

“Morru araw kull filgħodu barra l-administration ta’ Mater Dei. Infermiera gradwati jistennew, xi wħud bilqegħda fl-art, xi kultant iżjed minn siegħa. Ma jafux fejn ser imorru jaħdmu. Jitħallew jistennew għal siegħa, siegħa u nofs qabel l-amministrazzjoni tiddeċiedi fejn ser tibgħathom. Temmnuha din? Għandna nuqqas kbir ta’ infermiera. U mbagħad jidħlu jaħdmu grupp ta’ gradwati ġodda. U x’nagħmlu. Inħalluhom jistnnew knock knock.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li biex tgħaxxaqha dan il-Gvern issa spiċċa minflok jagħti s-sostenn tiegħu lill-infermieri, qed ifarfar ir-responsabbiltà kollha fuqhom meta jinqala ntopp. Huwa sostna li minflok il-Gvern qed jipprova jinnegozja mal-union tal-infermiera meta jilmentaw….huwa jinjorahom…jew saħansitra jattakkahom.

Din hija s-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna preżentament.