Żagħżugħ ta’ 16-il sena residenti Birkirkara ngħata sentenza ta’ tliet snin probation mill-Maġistrat Astrid May Grima. li ordnat ukoll biex ma jiġix f’kuntatt ma’ ommu wara li ammetta akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront tagħha fejn ikkaġunalha feriti gravi.
It-tfajjel li ismu ma jistax jissemma peress li huwa taħt l-eta u biex tiġi protetta l-identità ta’ ommu li kien qed jinżamm fil-Faċilità tal-Yours fl-Imtaħleb ġie ordnat ukoll isegwi programm biex jittratta r-rabja li għandu fuqu. L-Ispettur Sherona Buhagiar xlietu li fl-14 ta’ Awwissu kkaġuna ġrieħi gravi fuq ommu.
Huwa ammetta wkoll li fil-ġranet, fix-xhur u fis-snin ta’ qabel, bl-imġiba tiegħu kkawża biża’ b’tali mod li se tintuża vjolenza kontra ommu u li saħansitra ħebb għaliha. Il-ħati qal li jaħdem bħala receptionist part-time. L-avukat Josè Herrera qal fil-Qorti li ż-żagħżugħ għandu problemi ta’ ‘anger management’ u għandu bżonn ħafna għajnuna.
Huwa kien talab lill-Qorti sabiex qabel tgħaddi għas-sentenza jsir ‘social enquiry report’. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjionatx fid-dawl biex ikunu identifikati problemi li jista’ jkun hemm, bil-għan li t-tifel jingħata l-għajnuna li għandu bżonn biex jaqbad it-triq it-tajba.
Il-Qorti odnat li sakemm isir is-social enquiry report, it-tfajjel jinżamm fil-faċilità YOURS biex jingħata għajnuna għall-problemi psikoloġiċi, ta’ rabja u problemi oħrajn li jistgħu jiġu identifikati. Kemm id-difika kif ukoll il-prosekuzzjoni qablu fuq diversi punti biex il-ħati jingħata t-trattament li jixraqlu.
//= $special ?>