“Ninsab mingħajr kliem, u naf żgur li din hi xi ħaġa li missieri kien jgħożż.”
Sostna dan Alan Arrigo, iben l-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Robert Arrigo li miet ftit tal-jiem ilu, hekk kif missieru kien onorat bi premju speċjali waqt il-Malta Business Awards organizzata mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.
Bil-premju ppreżentat mill-President Paul Abela, il-kumpanija Robert Arrigo & Sons Ltd ingħatat il-premju ‘President’s Choice Award’ fi tmiem serata illi saret ftit tal-jiem ilu.
Robert Arrigo kien waqqaf il-kumpanija tiegħu lura fl-1983 sabiex jipprovdi servizzi fis-settur turistiku. F’Diċembru li ġej, huwa kien se jagħlaq 68 sena – 50 sena minnhom proprju jaħdem qatigħ f’dan il-qasam. U kien għalhekk illi ġie onorat b’dan il-premju moghti mill-Kamra tal-SMEs.