Lokali Parlament

Xejn minn Robert Abela dwar l-isptarijiet, Steward, l-għoli tal-ħajja u t-traffiku

Il-Prim Ministru Robert Abela ma għamel l-ebda riferenza u ma ta l-ebda soluzzjonijiet dwar l-isptarijiet u Steward, l-għoli tal-ħajja, l-Air Malta u t-traffiku.

Meta kien qed jagħmel id-diskors tiegħu tal-budget, il-Prim Ministru qal li l-gvern se jibqa’ fuq in-naħa tal-poplu u qed joffru ċertezza lill-poplu; gvern imexxi b’ruħ soċjali. Illum , sostna l-Prim Ministru, il-familji Maltin qed iħallsu nofs il-prezz tal-enerġija ta’ dak li qed iħallsu l-familji Ewropej. Hu qal li l-gvern żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Il-faqar hu realtà li trid tikkumbattiha l-ħin kollu, sostna l-Prim Ministru li qal li dan hu budget li kkumbatta l-faqar assolut. Dan se jibqa’ gvern li jaħseb f’kulħadd spejċalment fil-gruppi bla vuċi li huma l-akbar vittma tal-awsterità. Il-gvern se jonfoq €1 biljun fuq is-settur soċjali.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern mhux qed jagħti ċekkijiet ta’ darba iżda għajnuna lill-familji. Il-gvern mhux se jdaħħal taxxi ġodda u se jagħti wkoll ir-rifużjoni taċ-ċekkijiet. Iċ-childrens allowance’s se jiżiedu b’€90 għal kull wild, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern se jkompli jinvesti fl-edukazzjoni u fl-università waqt li kull sena żdiedu l-istipendji. Hu qal li 45,000 familja saru sidien ta’ darhom mill-2013 ‘l hawn; il-gvern jemmen fl-għajnuna f’dan is-settur.

Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed, sostna l-Prim Ministru, li ta dettalji dwar l-għajnuniet li ta l-gvern fil-COVID u dwar iċ-ċereali. Hu qal li l-entitajiet barranin qed jirrikonoxxu l-mod kif il-gvern Laburista qed imexxi l-ekonomija.

Il-Prim Ministru tkellem dwar id-dejn u qal li l-Gvern m’għandux problema mal-UE dwar id-deficit. Il-gvern se jibqa jixpruna t-tkabbir, sostna l-Prim Ministru, li kompla li din hi politika ta’ suċċess.

Hu qal li l-gvern ma jemminx fl-issikkar taċ-ċintorin u kompla li Malta se tibqa’ b’saħħitha quddiem l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa partikolarment l-enerġija. Gvernijiet barranin tefħu l-piżijiet fuq in-nies.

Se nibqgħu kontra l-ħela, sostna l-prim Ministru, li kompla li l-gvern mhux se jnaqqas l-investiment fosthom bil-benefiċċji soċjali, fl-edukazzjoni u fis-saħħa.

Il-Prim Ministru qal li issa s-sajf Malti kien irritorna għal dak li jafuh in-nies fejn l-ażjendi qabdu ritmu b’saħħtu ħafna bi tkabbir ekonomija ta’ 8.5% fuq is-sena ta’ qabel.

Dwar il-lista l-griża, il-Prim Ministru qal li Malta ħarġet minn din il-lista fl-iqsar żmien li pajjiż irnexxielu joħroġ minnha. Il-gvern żamm kelmtu mal-poplu. Minkejja dan il-pajjiż kellu sena rekord fl-investiment barrani, sostna Robert Abela, li sostna li qatt ma kien ra dan il-livell ta’ investiment fil-pajjiż.

Il-governanza tajba hi meħtieġa biex ikun attirat l-investiment; mhux veru li l-istituzzjonijiet regolatorji għandhom jiżżarmaw, sostna l-Prim Ministru, li qal l-esportazzjoni laħqet livelli rekord; din hi l-aqwa konferma.

Robert Abela qal li r-riċetta ekonomija tal-PN baqgħet l-istess u kompla li l-gvern jaf fejn irid imur; jaġġusta fejn ikun meħtieġ. Dwar is-setturi ekonomiċi ġodda u l-mudell ekonomiku, il-Prim Ministru attakka lill-PN u qal l-evulazzjoni tal-ekonomija issa qed titlob li jkun hemm bidliet għax m’hawnx ħaddiema biżżejjed għal ċertu xogħlijiet.

Hu qal li l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema qed jitjiebu u sostna li hemm industriji li qed jittalbu biex isibu nies biex jaħdmu. Il-pajjiż irid ikompli jattira investiment barrani ta’ kwalità.

Lill-istudenti l-Prim Ministru qallhom li l-futur f’Malta hu tajjeb u sabieħ u qal li fl-aħħar snin iktar żgħażagħ Malin qed jiġu lura fil-pajjiż minn dawk li jridu jitilqu. L-ekonomija qed tkompli tkun diversifikata fil-klima ekonomika li nħolqot.

Hu qal li l-gvern qed joħloq setturi ġodda fosthom diversi kumpaniji ġodda u sostna li l-gvern qed jinvesti bil-kbir f’Għawdex. Kollox idur mal-kwalità tal-ħajja; l-ekonomija hi biss għodda beix in-nies jgħixu aħjar.

Jumejn qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, il-Prim Ministru qal li qed jappoġġja lil dawk li jridu jippreservaw dan il-wied.

L-Impjant ta’ Sant’Antnin se jingħalaq u se jkun konvertiti f’żona miftuħa għall-familji.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern kien se jdidefendi lill-pajjiż barra minn Malta.