Lokali Saħħa

Fis-Saħħa wkoll, il-PN irid juri li hemm bżonn direzzjoni aħjar minn dik li għaddej biha l-Gvern bħalissa

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-ideat tiegħu fis-setturi differenti, fosthom fis-Saħħa, biex juri li hemm bżonn direzzjoni aħjar minn dik li għaddej biha l-Gvern Laburista bħalissa.


Dan il-messaġġ ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, indirizzata mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo, fejn kien imtenni l-appell biex il-Gvern jindirizza l-prijoritajiet meħtieġa f’settur daqstant importanti.

Il-kelliema spjegaw kif, minkejja li jirrikonoxxi ż-żieda fil-budget tas-Saħħa, il-Partit Nazzjonalista innota kif ta’ Steward m’humiex jagħmlu l-investimenti mwegħda, minkejja l-miljuni ta’ ewro li qed jingħataw ta’ kull sena biex iżommu taħt idejhom tliet sptarijiet pubbliċi.

Dwar l-isfidi fis-settur tas-saħħa mentali, huma spjegaw li s-servizz tal-Psikjatrija jinsab f’livell mhux xieraq għax mhux isir l-investiment meħtieġ fih, b’mod partikolari il-wegħda ta’ sptar ġdid għall-kura psikjatrika akuta, li mhi qed tinżamm qatt. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jrid li jieqfu għal kollox il-ħela u anke s-serq mit-taxxi tal-poplu li, minflok, għandhom ikunu investiti fil-Maltin u l-Għawdxin.

Fost l-oħrajn, fil-mediċini ġodda li daħlu riċentament u li l-Gvern s’issa għadu qed iżomm lura milli jdaħħal u għalhekk, il-pazjenti qed ikollhom jonfqu l-mijiet ta’ ewro biex jixtruhom. Dan filwaqt li hemm bżonn aktar tagħlim biex tkun megħluba għal kollox l-istigma dwar il-problemi fis-saħħa mentali.

Bl-istess mod, għandha tkun trattata ż-żieda fl-ammont ta’ każi ta’ suwiċidju jew tentattivi u, filwaqt li tiżdied l-għajnuna għal min qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi, il-Gvern għandu jindirizza l-problemi ta’ nuqqas ta’ flus fl-idejn, daqskemm il-problemi fl-ambjent għax dawn qed jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista ma jridx li l-pazjenti li jbatu bil-kanċer jitħallew qishom tallaba tal-Community Chest Fund, filwaqt li anke jsir aktar investiment fejn tidħol is-saħħa sesswali, fost oħrajn b’aktar riżorsi umani.

Ħtieġa ta’ aktar investiment fuq riżorsi umani tinħass ukoll fis-settur tal-kura primarja u dan kollu jista’ jsir meta l-Gvern jara li l-miljuni jintefqu fejn verament hemm bżonn.