Fi stqarrija mill-Kelliem għall-Arti u l-Kultura u għall-Wirt Nazzjonali Julie Zahra, il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-każ ta’ membru tal-Malta Philharmonic Orchestra (MPO), li ammetta fil-Qorti li ta fastidju sesswali lil mużiċista femminili, membru tal-istess Orkestra.
Wara li sar magħruf, li allegatament, il-Kap Eżekuttiv tal-istess Malta Philharmonic Orchestra kien mgħarraf b’dawn l-akkużi, iżda naqas milli jieħu passi dwarhom, il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu li sal-lum, kważi ġimgħa wara, ħadd għadu ma refa r-responsabbiltà għal dan.
Il-Partit Nazzjonalista kien jistenna li jew il-management stess minn jeddu inkella l-Ministru responsabbli mill-MPO jinvestigaw u jieħdu l-passi meħtieġa kontra min kien mgħarraf b’din l-informazzjoni u naqas milli jieħu l-passi dwarhom, partikolarment f’każi bħal dan ta’ fastidju sesswali.
Hu tassew ta’ għajb li tibqa’ tirrenja l-kultura ta’ impunità, fejn il-Gvern jew nies viċin tiegħu jibqgħu jgħattu lil xulxin, anke f’każi ta’ natura serja, fejn persuna kellha saħansitra tirriżenja minn xogħolha minħabba f’dan il-fastidju, għal-liema fastidju ammetta l-persuna stess fil-Qorti.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna kull forma ta’ fastidju sesswali u jappella lil kull min ghaddej minn realtajiet bħal dawn biex jagħmel użu mill-istrutturi kollha pprovduti bil-Liġi u dawk ta’ għajnuna.
//= $special ?>