Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara li ta daqqiet b’mus lill-kuġinuh anzjan li kien għaddej minn sqaq

Raġel residenti l-Għargħur ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li tliet snin ilu ta daqqa ta’ mus lill-kuġinuh, li kellu 74 sena u kkaġunalu feriti gravi, tant li meta l-Pulizija rċievet ir-rapport mill-isptar Mater Dei ingħad lilha li kien jinsab fil-periklu tal-mewt. Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati jikkumpensa lill-vittma s-somma ta’ €4,000.

Il-vittma qal li l-unika problema li kellu ma’ kuġinuh Raymond Debono kienet fuq ħlas tal-kera tar-residenza fejn joqgħod l-istess Debono, imma l-argumenti bejtniethom qatt ma kienu gravi. Ma kienx kontestat li l-vittma ndarab b’mus, u li ġie rikoverat l-isptar u kellu jiġi operat minħabba li spiċċa b’parti mill-imsaren barra.

Il-vittma, irrakkonta lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li Debono joqgħod fi trejqa li tagħti għat-triq li fiha joqgħod ibnu fil-Għargħur. Gara li peress li ibnu kien imsiefer, filgħodu kien jgħaddi minn quddiem id-dar tal-imputat biex iniżżel il-ħasira tal-bieb t’ibnu u filgħaxija, għal xi 5-5:30pm, imur itellagħha.

L-aħħar li nieżel biex imur itella’ l-ħasira ra lill-imputat fil-bieb tiegħu u għalkemm hu baqa’ għaddej, Debono mar warajh u qallu, “jien noqtlok, jien lilek noqtlok u ħareġ l-mus u qabbad ixejjer”. Kien intlaqat taħt żaqqu fuq ix-xellug. Qal li jgħaddi għad-dar ta’ ibnu minn sqaq fejn jgħix l-imputat biex jieħu short cut.

Kompla li wara l-inċident hu baqa’ sejjer viċin il-każin tan-Nazzjonalisti, wara l-knisja, biex talab persuni li kien għadu kemm rahom ftit qabel biex isejjħu għall-ambulanza. L-anzjan qal li ma kien qal xejn lill-imputat li “Hu kien fil-bieb ta’ dar, tagħni daqqa, għandi xi tlett daqqiet hawn” fejn indika li sofra wkoll minn xi daqqiet ż-żgħar fuq iż-żewġ naħat ta’ sidru.

Kompla li dam kważi ġimgħa l-isptar u bid-daqqa l-kbira li qala taħt żaqqu sostna, “kważi l-imsaren ġew jidhru”. Sostna li Debono ħareġ il-mus mill-but u li kien ilu 15-il ġurnata jgħaddi minn quddiemu minn dik it-trejqa. Huwa spjega li dakinhar l-ewwel darba li ra l-imputat fil-bieb u hekk kif kompla miexi l-isfel “ġie warajja u qalli jiena li se joqtolni u rajtu joħroġ il-mus”.

Iben il-vittma xehed kif meta jsiefer kien jitlob lil missieru jniżżel w itella’ l-ħasira tad-dar biex tidher li r-residenza hi ffrekwentata. Ikkonferma li fis-sqaq fejn joqgħod l-imputat isservi ta’ short cut bejn Triq Caravaggio fejn hemm id-dar tiegħu u Triq Karmnu Zarb fejn joqgħod missieru.

Ċertu Michael Xerri xehed li wara li sema għajjat ta “Ajma, Ajma”, ra żewġt irġiel viċin xulxin bil-ferut iżomm żaqqu bid- dmija ma jdejh. Kienu qed jargumentaw u sakemm mar sejjaħ lill-sieħbu u rritorna, il-ferut kien beda miexi l-fuq. Il-Professur David Bartolo li mar jagħti l-ewwel għajnuna lill-vittma qal fil-Qorti li l-anzjan kien f’sensih iżda l-polz kien batut: “wieħed seta’ jara li parti żgħira  mill-imsaren tiegħu ħarġu fuq barra.

L-Ispettur Roderick Spiteri qal li x’ħin il-pulizija mill-Għassa tan-Naxxar ġew infurmati bil-feriment ta’ persuna, dawn marru fuq il-post fejn sabu lill-anzjan qed jiġi assistit minn Profs. David Bartolo. Il-vittma nforma lill-pulizija li kien kuġinuh, Raymond Debono, li tah daqqiet bi strument li jaqta w bil-ponta. Wara l-aggressjoni l-vittma qal lill-pulizija li Debono reġa’ mar lura lejn id-dar tiegħu wara li aggredih.

Minn Mater Dei, qal ix-xhud huma ġew infurmati li l-vittma kien fil-periklu tal-mewt. Milll-isqaq inġabru numru ta’ filmati minn CCTV cameras. Fil-kors tal-istqarrija meħuda, Debono ma kkoperax mal-pulizija minkejja li ntwera l-filmat li juri l-aggressjoni tiegħu.

Fil-fatt kien il-filmat li wera d-dinamika kif seħħet l-aggressjoni. Debono jidher jistenna fil-bieb għall-madwar 25 minuta qabel ma għadda minn quddiemu kuġinuh “u f’temp ta’ minuta jidher kollox, li qed jagħtih xi daqqiet b’dak li jidher xi strument li jaqta u bil-ponta.”

Muri l-filmat Debono baqa’ jħares l-isfel u ma weġibx għad-domandi li sarulu. L-ispettur esibixxa r-rapport tal-inċident li jirrizulta li l-pulizija li wasslu fuq ix-xena sabu lil Debono ġewwa r-residenza tiegħu kif qalhom il-vittma. Interessanti li fir-rapport kien ġie nnotat li t-taqtir ta’ dmija kien jibda minn ftit l-isfel mill-bieb ta’ Debono li  segwieh hekk kif kien skorra l-bieb tiegħu u ġieh minn wara.

Mir-residenza tal-imputat ittieħdu xi oġġetti fosthom shot gun, 99 skartoċċ u ċinturin tal-kaċċa.  Is-Supretendent  Keith Arnaud kompla jixħet dawl fuq il-fatti tal-investigazzjoni kondotta minnu. Huwa dettalji importanti dwar fejn kienu jinsabu t-traċċi ta’ dmija, li dawn kienu l-isfel mid-dar ta’ Debono; indikazzjoni ċara li kuġinuh kien diġa għadda minn quddiem ir-residenza tal-aggressur Debono meta dan ħebb għalih u xejjirlu daqqiet ta’ mus.

Arnaud qal, “fl-isqaq stajt nara taqtir tad-demm fejn ir-residenza tal-imputat….però imbagħad innutajt ukoll li ftit zghira aktar l-isfel kien hemm xi taqtir ieħor, u dawn waqfu ftit metri ]isfel mit-residenza ta’ Raymond Debono fejn kien hemm mhux ghadira imma kien hemm iktar minn qatra ta’ demm li kienet aktar tispikka mill-qtar l-oħra li nnutajt ma tul isqaq.

“Milli rajt fhimt li seta gara xi haġa fejn kien hemm l-iktar ammont ta’ demm migmugh mal-art li hija ftit l-isfel mir-residenza ta’ Raymond Debono”. Arnaud qal li mill-filmati miġbura minn CCTV’s il-fuq w l-isfel mid-dar ta’ Debono, il-Pulizija kellha stampa ċara ta’ dak li seħħ.

Fil-filmat Debono jidher liebes shorts u karkur b’żaqqu barra iżda meta ġie mitkellem mill-pulizija dan liebes flokk. Arnaud jgħid li s-shorts li kien liebes Debono kien dak li jidher liebes fil-filmat,  Meta Arnaud staqsa lil Debono fejn kien tefa’ l-arma, Debono beda jgħid li ma xtaqx jitkellem u li ma kien ser jgħid xejn.

Madanakollu, wara li saret tfittxija fir-residenza ta’ Debono, ġew elevati tliet imwies. Aktar tard, Arnaud kien ġie infurmat li kienet nstabet arma oħra li din ġiet elevata u ppreservata ukoll. Minn wieħed mill-filmati li ġew elevati jidher l-imputat fuq l-għatba tal-bieb tiegħu sa’ nofs siegħa qabel seħħet l-aggressjoni.   

Raymond Debono, deher jitbaxxa ftit, jinzel minn fuq l-għatba, u deher jiggebbed lejn il-but tax-shorts li kien liebes fis-side pocket, fejn jidher li kellu xi haga twila f’idejh, harigha mill-but tan-naha tal-lemin u mbaghad nizel l isfel…”. Ftit minuti wara fuq l-istess filmat, jidher il-vittma tiela bil-pass b’id waħda jżomm żaqqu fejn il-qmis n-naħa ta’ żaqqu tidher kollha mċappas bid-demm.

L-għada li seħħ l-attakk Arnaud kien kellem lill-vittma fl-isptar Mater Dei, fejn dan stqarr li huwa kellu xi kwistjonijiet żgħar ma’ kuġinuh fuq xi kera jew ċens tar-residenza ta’ Debono però ġlied bejniethom qatt ma kien hemm. L-anzjan stqarr ma’ Arnaud, li dakinhar huwa kien miexi mill-isqaq sabiex imur lejn ir-residenza ta’ ibnu, lemaħ lill-imputat fil-bieb però Zarb jgħid li ma kellmux.

Kif appena Zarb qabeż ir-residenza tal-imputat, semgħu jgħidlu “lilek noqtlok, dawwar wiċċu u rah joħroġ il-mus minn ġol-but u bazikament ma tahx cans u baqa’ jaggredih…”. Il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda att provokatorju minn naħa tal-vittma li kull ma għamel kien li eżerċita dritt li kellu bħal kull ċittadin ieħor li jgħaddi minn sqaq li nzerta kien jgħix fih Debono.

M’hemmx dubbju li l-għemil ta’ Debono ma jista’ qatt jinkwadra bħala wieħed li bniedem ta’ temperament ordinarju.. Dwar il-piena qalet li dan kien każ fejn ma kien hemm ebda atti provokatorji minn naħa tal-vittma, anzi, Debono kien qed jistenna lill-kuħinuh bil-mus fil-but, azzjoni indubbjament premeditata.

Li Debono ried iweġġa lill-vittma hi ċertezza w dan jixhduh il-filmati li jġib il-Debono jagħti daqqa wara l-oħra lil Zarb bla ħniena, tant, li meta Zarb ma felaħx iżomm aktar fuq saqajh u waqa’ mal-art, Debono infexx jagħtih bis-sieq. L-istennija ta’ Debono fuq l-għatba propju fil-ħinijiet li kien jgħaddi mit-trejqa l-anzjan, timmanifesta kemm l-imputat kien ħaseb sew dwar dak li kellu lest għall-vittma, sal-mus żamm fuqu!

Ir-rabja ta’ Debono għal kuġinih kienet kbira, “ma flahtx izjed giet dalma fuqi”, huwa kien qal; Il-Qorti wkoll ikkunsidrat il-karattru tal-imputat fejn tul il-proċeduri dejjem attenda fil-ħin jekk mhux minn sigħat qabel. Ittieħed kont tax-xiehda tal-Ispettur Spiteri fejn jgħid li Debono “qatt ma tagħna trouble” u dejjem segwa l-obbligi imposti fuqu,

Ġiet ikkunsidrata wkoll il-kondotta tiegħu li turi li tul ħajtu l-imputat instab ħati darba biss, kważi 23 sena ilu, iżda anke dakinhar instab ħati fuq offiżi kontra l-persuna. Il-Qorti filwaqt li ikkundanntu għal ħames snin priġunerija u multa ta’ €116.47c. ordnatli li jagħti s-somma ta’ €4,000 bħala kumpens lill-vittma għall-offiżi li kkawża lill-vittma. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Roderick Spiteri.