Lokali Qorti

Ħasla oħra mill-Qorti lill-prosekuzzjoni fuq il-każ dwar allegat ħasil ta’ flus kontra l-Bank Pilatus

Għal darba oħra l-Qorti tagħat ħasla lill-Prosekuzzjoni minħabba telf ta’ ħin, hekk kif il-każ ta’ ħasil ta’ flus kontra Pilatus Bank u l-MLRO (Money Laundering Report Officer) meta seduta li kellha allokazzjoni ta’ ħin konsiderevoli reġgħet spiċċat b’seduta qasira oħra – l-aħħar f’sensiela ta’ mill-inqas tlieta fejn il-prosekuzzjoni naqset milli tressaq biżżejjed xhieda biex timla l-ħin allokat.

Dawk li kien imħarrka biex jixhdu l-Erbgħa ingħataw il-kompitu mill-prosekuzzjoni biss, biex jikkonfermaw dokumenti li kienu diġà fil-pussess tal-qorti, li nġabru waqt l-inkjesta maġisterjali. Kif ġara f’kull seduta riċenti f’dan il-każ, l-avukati prosekuturi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal darb’oħra qalgħu ċanfira mill-qorti għax kienu ssejħu biex jixhdu biss tliet xhieda, ta’ ftit jew xejn importanza, minkejja l-Qorti, kienet allokat sagħtejn biex il-prosekuzzjoni ġġib il-provi kollha li fadal tagħha.

Wara li x-xhieda temmew id-depożizzjoni tagħhom, li kienet prinċipalment ta’ natura amministrattiva, il-prosekutur Ramon Bonett Sladden talab lill-qorti għal aġġornament twil, sabiex il-prosekuzzjoni tkun tista’ tidentifika jekk kienx hemm xi xhieda oħra li kellha bżonn ix-xhieda tagħhom.

“Oqgħod attent x’tixtieq,” wieġbet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. “Mhux qed nilagħbu, għandna nies milquta minn ordnijiet ta’ ffriżar.” L-Avukat difensur Stefano Filletti qal lill-Qorti li kien hemm ċerti xhieda li l-AĠ kien obbligat isejjaħ iżda le, ma sarx hekk. L-avukat fakkar lill-prosekuzzjoni li r-rwol tagħha kien li ġġib “kull evidenza favur u kontra l-akkużat.”

Waħda minn dawk ix-xhieda kienet ir-Risk Manager ta’ Pilatus Bank, Antoniella Gauci, li kienet tgħix Malta u li ma kinitx suġġetta għal proċeduri kriminali. Isem Gauci ħareġ f’ħafna mill-korrispondenza, qal Filletti. Minkejja dan, iżda, s’issa ma ntalbitx tixhed.

Dan minbarra diretturi oħra barra minn Malta li għandhom mandati ta’ arrest maħruġa kontrihom u li għalhekk mhux probabbli li jixhdu, żied jgħid l-avukat. “Il-prosekuzzjoni ma tistax tkompli titmexxa b’dan il-mod,” irrimarkat il-Maġistrat.

“Mhux jixraq lill-Uffiċċju tiegħek li jkollok iġiegħel lill-prosekuzzjoni tressaq xhieda favur u kontra l-akkużat. Jekk trid aġġornament twil trid tiġġustifikah.” “Mhux fuq li jkun hemm prosekuzzjoni ttrattata b’dan il-mod. Din mhix prosekuzzjoni… din il-prattika tiegħek ta’ kull darba.

Il-Qorti staqsiet lil Bonnett Sladden kemm kien qed jaħseb li kien meħtieġ ħin biex jimla s-seduta li jmiss. “Siegħa u nofs,” wieġeb il-prosekutur. Meta ħares lejn in-noti tiegħu, Filletti osserva li kienet it-tielet darba li wieħed mix-xhieda tal-lum kien xehed.

Il-Maġistrat talbet spjegazzjoni għaliex il-prosekuzzjoni reġgħet naqset milli tressaq il-Qorti lix-xhieda li kien għad fadal. “Ma tistax tirreaġixxi qiesu xejn mhu xejn! Int qed timmina l-proċess ġudizzjarju li jrid jitlesta fi żmien raġonevoli. Huwa għajb, għajb!”, qalet il-Qorti.

It-talba għal aġġornament twil ġiet miċħuda. “Intom li qed twasslu għal din is-sitwazzjoni fuq il-qorti. Qatt, la bħala prosekutur u lanqas bħala maġistrat qatt ma kelli nieħu dawn il-miżuri. Qed nitlobkom biex tħarsu lejn xenarju akbar.” Ma kien jagħmel l-ebda sens li nkomplu sejrin hekk bix-xhieda fil-qorti bl-inkjesta diġà lesta, qalet il-maġistrat. “L-evidenza diġà hemm. Dan se jieħu s-snin.” Il-Qorti ordnat li l-kumpilazzjoni tal-provi tkompli l-ġimgħa d-dieħla.