Internazzjonali

Id-Danimarka: Il-poplu jagħti vot ta’ fiduċja fi Frederiksen

Il-grupp politiku taċ-ċentru-xellug kiseb l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni ġenerali u għal riżultat li jindika vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Mette Frederiksen. Fil-fatt, dan il-grupp, magħruf bħala ‘il-blokk l-aħmar’ ta’ Frederiksen, kiseb id-90 siġġu meħtieġa biex jiffirma Gvern.

Is-Soċjal-Demokratiċi tal-Prim Ministru, kontra kull mistenni, żiedu s-siġġijiet bi ftit għall-aqwa riżultat elettorali tagħhom f’20 sena. Madankollu, Mette Frederiksen tixtieq li tifforma koalizzjoni aktar inklussiva u għaldaqstant hi għaddiet ir-riżenja tal-Gvern lir-Reġina tad-Danimarka, Margrethe it-Tieni.

Frederiksen, ix-xahar li għadda, kienet sfurzata ssejjaħ elezzjoni bikrija fost l-għadab dwar rapport kritiku ħafna dwar kif il-Gvern kien ħa ħsieb l-eliminazzjoni tal-minks fuq bażi nazzjonali. Il-minks huma mammali karniveri u l-eliminazzjoni tagħhom saret waqt l-eqqel tal-pandemija fl-irziezet fejn jitrabbu ċerti speċi tal-annimali għall-pil tagħhom.

Fir-rapport li ħareġ fis-sajf ingħad li d-direttiva tal-Gvern biex jinqatlu sa 17-il miljun mink fl-2020 ma kellhiex bażi legali. L-azzjoni, fil-fatt, seħħet fost il-biża’ li xi forma tal-Covid li nstabet fl-annimali setgħet tfixkel it-tfittxija għal vaċċin effettiv kontra l-virus.