Parlament

Il-gvern m’għandux viżjoni għas-setturi tal-arti, il-kultura u l-wirt nazzjonali

Ritratt: Matthew Tabone

Julie Zahra, PN

Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra sostniet fil-parlament li l-gvern m’għandux viżjoni alternattiva għas-setturi tal-arti, il-kultura u l-wirt nazzjonali.

Julie Zahra qalet li l-gvern għandu flus biex jagħmel ir-riklamar u biex iżarma l-Kunsilli Lokali. Hi sostniet li l-gvern naqqas il-kwalità tal-ħajja f’diversi setturi fosthom fl-ambjent.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li ż-żgħażagħ iridu jitilqu mill-pajjiż u qatgħu qalbhom minħabba l-edukazzjoni u l-ambjent. Il-gvern mhu jagħmel xejn biex isir popolari. Dan il-budget hu wieħed kosmetiku għax ma joffrix soluzzjonijiet.

Julie Zahra qalet li fil-budget l-arti u l-kultura ssemmew biss f’żewġ paġni u b’riferenza minima; dan hu element negattiv meta dawn huma s-setturi li jagħtu l-identità lill-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern injorah l-wirt nazzjonali u naqas milli jippreservah. Il-gvern naqqas €1 miljun fil-konservazzjoni tal-wirt storiku u tas-swar waqt li ċ-ċentri urbani tal-pajjiż huma fgati.

Julie Zahra qalet li l-gvern għadu ma tax il-Kunsill għall-Patrimonju Nazzjonali; min qed jiżgura l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet involuti anki dwar l-istrateġija nazzjonali dwar il-patrimonju kulturali. Il-gvern nefaq €120,000 biex saret il-logo ta’ Heritage Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ma jridx diskussjoni dwar il-patrimonju nazzjonali u staqsiet jekk is-Sovratendenza tal-Patrimonju Nazzjonali hix qed isisr estenzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Julie Zahra sostniet li l-Gozo Heritage Museum tilef €4 f’fondi Ewropew għax ma tlestiex il-proġett fiż-żmien stipulat u għalhekk dawn il-flus issa se jitħallsu mill-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern qed juri disprezz bl-artisti waqt li l-PN hu kburi bl-arti għax din hi don. Julie Zahra qalet li l-gvern ma ħax il-passi neċessarji dwar każ ta’ abbużi sesswali fl-Orkestra Nazzjonali u baqa’ jinħeba. Il-gvern m’għandux viżjoni għal dawk li jaspiraw karriera fl-arti.

Julie Zahra qalet li l-budget naqas milli jindirizza l-irkurpu tas-setturi mill-pandemija. M’hemm l-ebda vot biex jissaqqaf it-Teatru Rjal, sostniet Julie Zahra, li kompliet li tispera li dan ma jsirx għaliex ma jkunx fl-aħjar interess tas-settur.