L-1 ta’ Novembru huwa jum speċjali għar-residenti kollha ta’ Djar Bjorn u l-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta, Bjorn Formosa – jum li jfakkar il-ġurnata li fiha fl-2017 infetħet l-ewwel dar għal persuni b’kundizzjonijiet newroloġiċi fi Triq il-Kbira, f’Ħal Qormi.
Il-ħames annniversarju tfakkar b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ it-Tlieta filgħodu quddiem id-dar….u li għaliha, seta’ jattendi Bjorn Formosa nnifsu wara xi jiem rikoverat l-isptar għal operazzjoni li rnexxiet.
Apparti Bjorn, għal din iċ-ċeremonja attendew fost l-oħrajn martu Maria, Natalie Briffa, Peppi Azzopardi, Peter Busuttil u r-residenti kollha ta’ DAR Bjorn.
Fost il-kliem ta’ tifħir li ngħaddew lil Bjorn u lil martu Maria għax-xogħol siewi li qed jagħmlu, spikka d-diskors ta’ Peppi Azzopardi illi spjega kif Bjorn huwa l-moħħ ta’ din ir-residenza… filwaqt li Maria hija l-qalb li tħabbat biex tibqa’ għaddejja ħidmet id-dar.
Fl-aħħar taċ-ċeremonja, tħejjiet sorpriża ħelwa għal Maria Formosa hekk kif ġiet inawgurata plakka ġdida mal-faċċata biex din id-dar ġiet iddeddikata lilha għax-xogħol bla waqfien tagħha u l-imħabba bla kundizzjoni li turi lil Bjorn.
Emozzjonata, Maria rringrazzjat lil żewġha tad-dedikazzjoni tant speċjali hekk kif id-dar issa jisimha “Il-Kapitlu ta’ Maria”, bil-plakka tirringrazzjaha “tax-xogħol mingħajr waqfien” u s-sapport kbir tagħha.
Din id-dar tilqa’ fiha nies b’diversi kundizzjonijiet bħal ALS, Parkinson’s u Huntington’s. Mill-2017 ’l hawn, din id-dar offriet lir-residenti sens ta’ dinjità u s-serħan il-moħħ lill-qraba tagħhom.
It-tieni DAR Bjorn se tinfetaħ fix-xhur li ġejjin f’Ħaż-Żebbuġ.
//= $special ?>