Internazzjonali

Il-Korea: Jisfidaw lil xulxin bl-isparaturi tal-missili

Żdiedet it-tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq komunista u l-Korea t’Isfel wara li r-rivali tal-penisola sparaw numru ta’ missili lejn l-ibħra qrib l-artijiet tal-kosta rispettivi. Il-Koreani komunisti sparaw 23 missila f’daqqa li huma l-akbar ammont qatt sparati għal jum wieħed. Fil-fatt, waħda mill-missili niżlet fil-baħar anqas minn 60 kilometru ‘il bogħod mill-belt ta’ Sokcho, fil-Korea t’isfel.

Intant, il-Korea t’Isfel wieġbet bl-ajruplani tal-gwerra li sparaw il-missili lejn l-art fiz-zona tal-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-artijiet tagħha u tal-Korea ta’ Fuq.

Aktar, tard, ir-reġim Korean komunista spara numru ta’ missili oħra flimkien ma’ balal tal-artillerija. Kelliema fi Pyongyang qalu li l-isparaturi kienu tweġiba għall-eżerċizzji militari konġunti li qed imexxu l-Korea t’Isfel  u l-Istati Uniti….Eżerċizzji li fi kliem il-komunisti huma ‘aggressivi u provokattivi’.

Il-Korea ta’ Fuq anki qed thedded li l-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti ‘għandhom iħallsu prezz terribbli’ f’każ li huma jkomplu bl-eżerċizzji – bl-osservaturi jemmnu li Pyongyang qiegħed jindika l-possibbiltà li juża xi arma nukleari ‘il quddiem. Dan ukoll wara li l-Koreani komunisti, din is-sena, ittestjaw numru rekord ta’ missili li wħud għandhom il-kapaċità biex iġorru warhead nukleari.