Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-kunċett ta’ Għawdex Gżira-Reġjun

F’diskors ta’ tliet sigħat li għamel f’jum il-Budget, il-Ministru Clyde Caruana ma sabx ħin jiddedika kapitlu  għal Għawdex. Mhux talli hekkk, talli l-Gvern naqqas il-fondi allokati għal din il-gżira.

Fir-replika tiegħu għad-diskors tal-Budget, il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech għamel aċċenn fuq dan it-tnaqqis li se jolqot lil bosta familji, anzjani, żagħżagħ u studenti Għawdxin.

Għal darb’oħra, it-Tnejn li għadda, Għawdex intesa għal kollox. Duru d-diskors tal-Budget u araw hemmx kapitlu wieħed dwar Għawdex. Jissemmew ċerti inizjattivi dwar Għawdex ’l hemm u ’l hawn u li x’ħin tagħsarhom, tinduna li huma kollha proposti riċiklati … proposti li ilhom jiġu mwegħda s-snin … proposti li ilhom jissemmew u baqgħu qatt ma saru, tant li għal darb’oħra qed jerġgħu jissemmew. Mhux hekk biss, iżda meta wieħed idur l-Estimi jsib li hemm tnaqqis sostanzjali fil-vot kapitali għal Għawdex … minn 33 miljun ewro għal 22 miljun ewro.

Bernard Grech qal li n-nuqqas ta’ investiment f’Għawdex qed iwasal biex numru ta’ proġetti importanti għall-Għawdxin, li ilhom jiġu mwiegħda s-snin, ma ingħataw ebda fondi għalihom. Fost dawn hemm il-bini ta’ parkeġġ ġdid fil-belt Victoria, il-bini ta’ Qorti ġdida, toroq ġodda, il-proġett ta’ breakwater f’Marsalforn u l-mina bejn Malta u Għawdex.

‘Il-Ministru tkellem dwar il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, li hi kollox għal Għawdex u l-Għawdxin. Imma fil-verità, taf x’tajtuh lil Għawdex? Vapur second hand … u f’dan il-Budget ma jissemma xejn biex jiġi akkwistat vapur ġdid li jixraq lill-Għawdxin u dawk kollha li jużawh. Allaħares m’hemmx it-tliet vapuri l-oħrajn, li bena Gvern Nazzjonalista.

Proġetti oħra li ilhom jissemmew is-snin huma l-iskola Primarja ġdida fir-Rabat, iċ-Ċentru Akwatiku ta’ Għawdex, id-Dar tal-Anzjani f’Għawdex u l-proġett fuq il-Heliport biex issir airstrip, fejn hawnhekk il-budget allokat kien biss ta’ 100 elf ewro.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar it-tnaqqis fil-fondi għas-settur turistiku f’Għawdex.

‘Il-promozzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex? Il-vot ta’ 1.1 miljun ewro tniżżel għal 750 elf ewro u dan meta t-turiżmu hu tant importanti għal Għawdex. Għawdex ukoll qed jitmexxa bla investiment u bla viżjoni.

Il-Kap tal-PN saħaq li f’Għawdex hemm bżonn iktar ħarsien ambjentali. Dan apparti li Għawdex jeħtieġ tmexxija reġjonali. 

‘Biex jittieħdu d-decizjonijiet tajbin dwar l-izvillupp sostenibbli f’Għawdex. Biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ żvillup ħażin, traffiku li dejjem qed jiżdied. Biex jiġu attirat turiżmu intern u barrani li jagħmel sens għal Għawdex. Biex dan id-djamant f’ nofs il-Meditteran nsebbħuħ u nibżgħu għalih u mhux neqirduh kif qed jiġri bid-deċiżjonijiet ħżiena li qed jieħu dan il-Gvern. U min jista’ jagħmel dan jekk mhux l’ Għawdxin stess f’ Kunsill Reġjonali.  Aħna nemmu fil-kunċett ta’ Għawdex Gżira Regjun u irridu li dan ikun l-mudell li naddottaw. Ahna nemmnu u rridu npoggu fil-prattika l-principju tas-sussidjarjeta’.