Lokali Qorti

Jammetti li wettaq atti intimi fuq turista waqt “massage speċjali”

Masseur li jaħdem f’lukanda qal klijenta li kien se jagħtiha “massage speċjali” meta kien qed iwettaq atti intimi fuqha. Il-klijenta, turista Ingliża, skomda għall-aħħar qaltlu li kull ma riedet kien massage normali u meta waqfitlu bidel l-attitudni tiegħu magħha.

Harikrishna Manhasseri, Indjan ta’ 25 sena, residenti l-Imġarr, tpoġġa taħt sentejn probation mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ammetta li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq tfajla Ingliża waqt li kien qed jagħtiha massage fil-lukanda.

Il-Qorti, jaħdem fi spa ta’ l-istess lukanda kien qed jagħmilha massage. Il-vittma, ma ħadet pjaċir xejn bl-aġir tiegħu għamlet rapport lill-Pulizija nhar it-Tlieta, bil-każ iseħħ is-Sibt li għadda li għadda filgħaxija. Fix-xhieda li tat l-Ingliża permess ta’ video conference fl-awla numru 14 tal-Qorti, hija qalet li meta daħlet fil-kamra, il-masseur talabha tneħħi x-xugaman u toqgħod wiċċha ‘l isfel.

Ftit wara talabha ddur wiċċha ‘l fuq u beda jmissilha sidirha u kien hawn li bdiet tħossha skomda imma ma qalet xejn għax ħasbet li dan huwa parti mill-massage. Kompliet tgħid li wara talabha tneħħi l-ħwejjeġ ta’ taħt iżda hi rrifjutat. Qalet li spjegalaha li dan huwa massage speċjali u beda jmissilha l-parti intima tagħha iżda ma kienx hemm penetrazzjoni.

Kif għamel hekk qaltlu li ma tridx dan il-massage li huwa sejjaħlu speċjali u minnufih neħħa idu. Minn hemm ‘l quddiem u beda jimmassaġalha għonqa b’mod goff. Meta rat hekk talbitu jieqaf u wara li spiċċa għamlet rapport lill-Manager tal-lukanda, li minn naħa tiegħu għenha tieħu passi legali.

L-Indjan ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti għalhekk sabitu ħati u poġġietu taħt probation għal sentejn b’diversi kundizzjonijiet. Il-Maġistrat Caruana, poġġa lill-ħati taħt ordni ta’ probation ta’ sentejn, u ordna lil kwalunkwe uffiċjal tal-probation futur biex jikkunsidra jekk ir-raġel kellux bżonn kura għal xi kundizzjoni partikolari li jista’ jevalwa.

“Din mhix sentenza ta’ qiesu ma ġara xejn u barra mill-ħabs. Dan ma jfissirx li hu liberu li jagħmel li jrid,” spejga il-Maġistrat lill-interpretu li kien qed jittraduċi. Jekk kellu jagħmel reat f’dawn is-sentejn, il-qorti terġa’ tiftaħ il-każ u tagħti piena għaż-żewġ reati.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin ta’ sentejn, fejn wissiet lill-akkużat li ma kellu javviċina jew jikkomunika mal-vittma bl-ebda mod. L-Ispettur Christian Cauchi mexxxa l-Prosekuzzjoni, assistit mill-avukati mill-iuffiċċju tal-AĠ Darlene Grima u Danika Vella.