Lokali Parlament

Nuqqas ta’ investiment fis-saħħa li se jnaqqas is-servizzi

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li nuqqas ta’ investiment fis-saħħa se jnaqqas diversi servizzi essenzjali għall-pazjenti.

Fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li, aktar milli fuq il-budget, il-poplu qed jitkellmu fuq id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri għax in-nies bdew jaqtgħu qalbhom minn dak li jista’ joffrilhom il-gvern.

Hi sostniet li l-gvern ma pprovda l-ebda soluzzjoni għat-traffiku; li qed iġib diversi problemi fosthom ta’ saħħa mentali.

Fin-nefqa rikorrenti fis-saħħa l-gvern marċ żmerċ b’€516-il miljun, sostniet Claudette Buttigieg, li qalet li l-gvern ikkalkula ħażin biex, fost l-oħrajn, l-istretġija fuq id-dijabate se jkollha inqas flus ivvutati.

Claudette Buttigieg kompliet li hemm pazjenti li għandhom bżonn kura fl-għajnejn qed ikollhom imorru għand il-Community Chest Fund għax mhux jingħataw servizzi mill-gvern.

Hi appellat biex il-gvern jispjega l-kuntatt tal-ambulanzi li qed jinkrew meta jagħmel iktar sens li dawn jinxtraw.

In-nefqa kapitali se tonqos bi €17-il miljun fl-onkoloġija u fis-saħħa mentali fl-Isptar Monte Carmeli u hemm inċertezza kbira dwar id-dijabate.

Hi appellat ukoll biex tingħata spjega dwar in-nurse navigators fil-kuntest tal-kanċer tas-sider għaliex dan hu sevizz mill-iktar importanti għal dawn il-pazjenti.

Claudette Buttigieg qalet li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien wera tħassib serju dwar Steward u appellat biex għalhekk jittieħdu l-passi meħtieġa b’mod immedjat.