Lokali

Robert Abela jgħid li l-akkużi huma biss ‘għajdut’

Tkompli s-saga dwar ir-racket ta’ indħil fi Transport Malta – manuvri li kienu ġejjin direttament minn Kastilja; għalkemm Robert Abela qed jiċħad li dawn saru fi żmienu. 

It-Tlieta fil-Qorti ħareġ li wieħed minn numri tat-telefown li kien jikkuntatja lil Clint Mansueto, eks Direttur ta’ Transport Malta, kien numru tal-mobile reġistrat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. U l-istruzzjonijiet fuq it-testijiet tal-liċenzji…kienu saħansitra jiġu anke minn Kastilja. Struzzjonijiet li kienu waslu biex numru ta’ persuni jgħaddu mit-test tal-liċenzja tas-sewqan.

Quddiem dan l-iskandlu, il-Prim Ministru Robert Abela  qal biss li huwa għandu d-dmir jitkellem dwar dak li seħħ minn Jannar tal-2020 ‘l hawn… jiġifieri minn meta ħa postu f’Kastilja. Għalkemm il-fatti juru li dawn l-allegazzjonijiet serji qed jippuntaw anke lejn il-perijodu meta hu dahal fit-tmexxija.

Il-fatti huma li dawn l-abbużi serji baqgħu għaddejjin sa ftit tax-xhur ilu. Fi ftit kliem, baqgħu għaddejjin għal sentejn sħaħ minn meta Abela laħaq Prim Ministru.

Mistoqsi kif inhu possibbli illi hu qed jghid li ma kienx jaf b’dan l-abbuż…il-Prim Ministru ma kellu ebda tweġiba.

U bħalma issa saret prassi, Robert Abela baqa’ ma kkommettiex ruħu li jieħu azzjoni u jerfa’ responsabbilta għal dak li seħħ, u nħeba wara l-frażi  li jrid iħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu.

Fil-Qorti t-tliet eżaminaturi ta’ Transport Malta qalu li l-eks direttur ta’ Transport Malta Clint Mansueto kien jagħmel pressjoni fuqhom biex jiżgura li ċerti kandidati jgħaddu mit-testijiet tagħhom.. pressjoni li issa ġie żvelat li kienet issir kemm mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u anke minn Kastilja.