Fl-aktar partita mistennija, minn Grupp E, Milan għamluha għall-fażi li jmiss meta bl-aktar mod faċli għelbu lil FC Salzburg 4-0. Olivier Giroud fetaħ l-iskor favur Milan wara 14-il minuta. Rade Krunic fis-46 minuta għamilhom 2-0 biex 11-il minuta wara kien għal darb’oħra Giroud li għamel l-iskor 3-0. Fil-ħin mogħti żejjed, kien Junior Messias li għamel l-iskor 4-0.
Chelsea minn naħa tagħhom għelbu lil Dinamo Zagreb bl-iskor ta’ 2-1. Bruno Petkovic għamel l-iskor 1-0 wara biss seba’ minuti. Ir-rimonta ta’ Chelsea bdiet fit-18-il minuta meta kien Raheem Sterling li ġab l-iskor indaqs. Denis Zakaria man-nofsiegħa logħob dawwar l-iskor favur Chelsea għal skor finali ta’ 2-1.
Fi Grupp F, Real Madrid kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Celtic. Il-gowls għat-tim ta’ Carlo Ancelotti kienu skorjati minn żewġ penalties ta’ Luka Modric u Rodrygo fis-6 u fil-21 minuta. Għal Celtic, Josip Juranovic kellu ċans inaqqas l-iskor permezz ta’ penalty fil-35 minuta iżda naqas milli jagħmel dan. Fit-tieni taqsima, gowls ta’ Marco Asensio, Vinicius Junior u Federico Valvered għalqu l-partita favur Real Madrid, b’Celtic jiskorjaw il-gowl ta’ konsulazzjoni fl-84 minuta permezz ta’ Jota.
Mill-istess grupp, RB Leipzig għelbu lil Shaktar Donetsk 4-0. Christopher Nkunku għamilhom 1-0 wara 10 minuti. Fit-tieni taqsima, gowls ta’ Andre Silva u Dominik Szoboszlai għalqu l-partita biex awto-gowl ta’ Valerii Bondar għamel l-iskor finali ta’ 4-0.
Manchester City minn Grupp D, għelbu lil Sevilla 3-1. Rafa Mir għamel l-iskor 1-0 għal Sevilla wara 31 minuta. Fit-tieni taqsima, Manchester City irnexxielhom idawru l-iskor meta l-ewwel kien Rico Lewis li għamel l-iskor 1-1 biex mbagħad kien Julian Alvarez li għamel l-iskor 2-1. Seba’ minuti mit-tmiem, kien Riyad Mahrez li għamilhom 3-1.
F’konfront ieħor, Copenhagen u Borussia Dortmund temmew fi draw ta’ 1-1. Kien Thorgan Hazard li għamilhom 1-0 wara 23 minuta b’Copenhagen iġibu l-iskor indaqs fil-41 minuta permezz ta’ Hakan Haraldsson.
Juventus temmew l-impenji tagħhom fil-UEFA Champions League b’telfa ta’ 2-1 kontra PSG fi Grupp H. Kylian Mbappe jpoġġi lil PSG fil-vantaġġ wara 13-il minuta. Leonardo Bonucci għamilhom 1-1 fid-39 minuta. PSG reġaw marru fil-vantaġġ fid-69 minuta permezz ta’ Nuno Mendes.
Fil-partita l-oħra, Benfica komplew bil-mixja pożittiva tagħhom wara li għelbu lil Maccabi Haifa 6-1. Goncalo Ramos fetaħ l-iskor wara 20 minuta. Tjaronn Chery permezz ta’ penalty ġab l-iskor indaqs fis-26 minuta. Benfica skorjaw ħames darbiet oħra mingħajr risposta fit-tieni taqsima, b’gowls ta’ Petar Musa, Alex Grimaldo, Rafa Silva, Henrique Araujo u Joao Mario.
//= $special ?>