Meta Carmelo Abela ġie mistoqsi dwar storja li kienet ippubblikata fit-Times of Malta tat-2 ta’ Ġunju tal-2021 fejn l-aħwa Alfred u Georgio Degiorgio kienu kitbu formalment ittra lill-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tgħid li hu u Chris Cardona kienu nvoluti fis-serqa tal-HSBC f’Ħal Qormi, viżibilment skomdu u jlaqlaq l-istess Carmelo Abela qal li dan m’għandux konnoxxenza tiegħu.
Dan ħareġ meta kompliet tinstema’ l-kawża ta’ libell għad-danni li l-eks Ministru Carmelo Abela fetaħ kontra l-Avukat Jason Azzopardi. Meta d-difiża mmexxija mill-Avukat Joe Zammit Maempel kompliet tagħmel il-kontro-eżami u ppressat lil Carmelo Abela, dwar x’passi x’ħa dwar dan, it-tweġiba b’ħafna tlaqliq fl-aħħar kienet li ma ħassx li kellu jieħu passi.
Dan kollu fid-dawl tal-fatt li l-ittra kienet ħammret ir-reputazzjoni ta’ Malta, minħabba delitt hekk gravi, fejn huwa wasal biex qal ukoll li ma tagħax każ, għax il-gazzetti jivvintaw. Meta kien muri li l-artiklu tat-Times jinkludi estratt mill-ittra fejn hu u Chris Cardona kienu issemmew in konnessjoni mal-‘hold up’, bħala l-mandanti, Carmelo Abela deher maħsud u qabeż l-Avukat tiegħu Pawlu Lia, li qal li issa sta għal Jason Azzopardi li jġib il-prova li dan inkiteb tassew.
Għad-difiża ta’ l-Avukat Azzopardi kienet stramba kif bħala Ministru u sar jaf li inkitbet ittra li tallega li kien wettaq delitt gravi, kien baqa’ passiv, jew ta’ l-anqas kien jieħu passi biex juri li l-aħwa Degiorgio kienu qed jigdbu. Ix-xahar li għadda l-aħwa Degiorgio kienu ammettew li kienu nvoluti fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienu bagħtu messaġġ lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders fejn akkużaw lill-eks-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u lil dak iż-żmien Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li kienu nvoluti f’reati serji, fosthom pjan ta’ serqa fil-bank HSBC f’Ħal Qormi.
Fil-messaġġ tagħhom, l-aħwa Alfred u George Degiorgio kienu qalu li l-gvern Malti kellu kunflitt ta’ interess kieku kellu jiddeċiedi li jagħtihom il-proklama għall-involviment tagħhom fl-allegati reati minħabba l-fatt li issa ħareġ li kienu nvoluti tnejn li kienu Ministri. Komplew jgħidu li l-gvern ma riedx jisma’ l-informazzjoni li kellhom fuqhom.
L-eks Ministru kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn qed itenni li l-allegazzjonijiet kienu “gideb” li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu u li swewh kariga pubblika. “Ma kienx diskors li hu aċċettabbli,” qed jikkontendi Abela, li rrimarka li ma ngħatax Ministeru biex imexxi wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.
F’post fuq Facebook, l-Avukat Jason Azzopardi kien qal li Abela kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi filmati lill-kriminali u cards ta’ aċċess biex ikunu jistgħu jidħlu jisirqu milll-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC. Dak iż-żmien, Abela kien jaħdem fil-bank u kellu aċċess ukoll għat-tagħmir li kien jipproduċi l-cards ta’ aċċess għas-sigurtà. Abela dejjem ċaħad dawn l-akkużi.
L-allegazzjoni li “ministru sedenti” kien kompliċi fis-serqa l-ewwel kienu saru minn Vince Muscat “il-Koħħu” u l-aħwa Degiorgio, li lkoll ammettaw ftit tal-ġimgħat ilu li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-kawża ta’ libell se tkompli fid-9 ta’ Jannar li ġej.
//= $special ?>