Sport

Futsal: It-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena għall-ewwel kwalifikazzjoni tal-UEFA fil-Litwanja

It-Tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena tal-Futsal ittella fi Grupp A mal-Litwanja, l-Ingilterra, u l-Estonja fl-ewwel kompetizzjoni tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA għal dan it-tim taż-żgħażagħ.

Il-grupp ta’ kwalifika f’dan ir-Rawnd Preliminari għal Malta U19 fil-Litwanja se jintlagħab bejn is-17 u t-22 ta’ Jannar.

It-tim ta’ Malta U19 beda xhur ilu t-tħejjijiet tiegħu għal din il-kompetizzjoni kbira, u f’dan l-istaġun qed jieħu sehem ukoll fil-kampjonat domestiku tal-FMA, bl-għan ewlieni jkun li ż-żgħażagħ tagħna li jirrappreżentaw lil Malta f’dan il-livell jiksbu aktar esperjenza, jgħollu l-istandards tagħhom, u jiksbu kemm jista jkun ħin ta’ logħob qabel dan it-tournament internazzjonali.

Dawn il-logħob ta’ kwalifikazzjoni se jwasslu sal-finali tal-2023 skedati li jintlagħabu f’Settembru tas-sena d-dieħla.

36 tim daħlu fil-Kampjonat Ewropew tal-Futsal ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA tal-2023 b’35 se jikkompetu biex jingħaqdu mal-ospiti l-Kroazja fil-finali fi Žatica Arena f’Poreč, skedati mit-3–10 ta’ Settembru tas-sena d-dieħla.

Malta U19 tingħaqad mal-Ġermanja bħala d-debuttanti fir-Rawnd Preliminari ta’ din il-kompetizzjoni.

Il-Head of Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni Mark Marlow attenda għall-poloz f’Nyon il-Ħamis wara nofsinhar.