Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Kmandanti Russi ‘iddiskutew l-użu tal-armi nukleari’

Uffiċjali fl-Istati Uniti qed jgħidu li l-kmandanti militari tar-Russja, ġimgħat ilu, iddiskutew ‘meta u kif’ jistgħu jużaw l-armi nukleari bħala fażi ġdida tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Ingħad ukoll li l-Mexxej Russu Vladimir Putin ma kienx involut fit-taħditiet, bl-Istati Uniti tinsab imħassba sew dwar l-użu potenzjali ta’ armamenti projbiti min-naħa tal-Kremlin.

Iżda l-Istati Uniti mhi tara l-ebda sinjali li attakk ( mir-Russi) fuq din l-iskala kapaċi tkun imminenti. Dan ukoll waqt li s-servizzi sigrieti tal-Punent mhumiex jaraw indikazzjoni ta’ movimenti tal-armi nukleari min-naħa tar-Russja.

Iżda l-potenzjal li r-Russja tispara hekk-imsejjaħ tactical nuke ( li jħalli impatt f’zona ta’ art speċifika’ ma jistax ikun eskluż. Dan waqt li Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin, akkuża lill-Punent b’li qed ‘irewwaħ in-nirien għalxejn’.

Sadanittant, it-taħditiet speċifiċi għall-ogħla mexxejja tal-qawwiet Russi  li kienu saru f’nofs-Ottubru qegħdin jitqiesu xorta bħala sinifikanti ħafna. Fil-fatt, dawn seħħew wara li l-President Putin kien insista b’kummenti kontra l-Punent u ‘dwar in-nukleari’ filwaqt li tenna li ‘għandu jagħmel minn kollox biex jipproteġi lir-Russja u l-artijiet tal-Ukrajna okkupati mill-qawwiet tiegħu’.

Putin anki akkuża lill-Punent dwar ‘rikatt fuq bażi nukleari’ waqt li ftaħar li l-armi tar-Russi huma ‘aktar moderni minn kwalunkwe armamenti tan-NATO’.

Min-naħa tiegħu, John Kirby, il-kelliem dwar is-sigurtà nazzjonali mal-White House ta’ Washington, ammetta li l-Istati Uniti tinsab preokkupata dwar il-possibbiltà ta’ ‘sparatura nukleari’ lejn l-art tal-Ukrajna. Dan wara li r-Russi sofrew diversi umiljazzjonijiet fil-kamp tal-battalja, bi Vladimir Putin qed jaħseb kif se jirkupra l-kredibbiltà mitlufa minn aspett internazzjonali.