Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Prova ta’ missila interkontinentali tqanqal kundanna mill-Ġappun

Il-Ġappun iddikjara stat ta’ allert wara li l-Korea ta’ Fuq sparat missila ballistika tat-tip interkontinentali u li spiċċat tfalli f’nofs din il-prova.

Dan meta l-Ġappuniżi qegħdin jissorveljaw kull żvilupp bir-reqqa fost l-aħħar spinta ta’ tensjoni fil-penisola Koreana u minkejja li l-missila kbira tal-Koreani komunisti spiċċat f’nofs ta’ baħar.

Sadanittant, il-poplu Ġappuniż jinsab ansjuż għal dak li għad jista’ iseħħ u wara li l-Korea ta’ Fuq, xahar ilu — u għall-ewwel darba f’ħames snin —  kienet sparat missila ballistika li għaddiet minn fuq it-territorju tal-Ġappun.

Il-prova tal-aħħar missila – magħrufa bħala ICBM u li twassal fuq distanzi kbar – hi s-seba’ waħda mill-Korea komunista għal din is-sena u ħafna Stati ġirien qegħdin jinkwetaw li r-reġim ta’ Kim Jong-un jista’ anki qed iħejji għal prova nukleari minn ħin għall-ieħor.

Il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel, f’nofs il-ġimgħa, kienu sparaw il-missili li niżlu fl-ibħra ta’ qrib xulxin u meta l-Koreani komunisti spiċċaw jisparaw l-akbar ammont ta’ missili għal ġurnata partikulari.

Fl-istess ħin, il-Korea ta’ Fuq qed turi għadab kbir għall-eżerċizzji tal-ajru konġunti li qed isiru bħalissa mill-qawwiet tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti.

Dan ukoll fost rapporti li r-reġim Korean komunista, fl-aħħar sigħat, anki spara żewġ missili ballistiċi oħra għal fuq distanzi żgħar.

L-aħħar żviluppi wasslu biex il-Gvern Ġappuniż joħroġ twissija rari ta’ emerġenza lir-residenti f’uħud mir-reġjuni tat-Tramuntana u li kienu avżati biex ma joħorġux mid-dar.

Il-Gvern Ġappuniż, għall-bidu, qal li l-missila kienet għaddiet minfuq il-Ġappun proprju iżda l-Ministeru tad-Difiża f’Tokjo, wara, tenna li l-ICBM ma qasmietx mill-arċipelago Ġappuniż qabel sparixxiet fuq il-Baħar tal-Ġappun.

Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Ġappun,Fumio Kishida, ikkundanna bla riservi l-isparaturi kontinwi mill-Korea ta’ Fuq waqt li l-Istati Uniti stqarret li l-azzjonijiet tal-komunisti qegħdin juru l-vera skala tat-theddida mill-Korea ta’ Fuq għall-Istati ġirien u għas-sigurtà internazzjonali.

Kelliema għall-Gvern Amerikan enfasizzaw ukoll li pajjiżhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għadu mija-fil-mija impenjat għad-difiża ta’ pajjiżi alleati bħall-Ġappun u l-Korea t’Isfel.

U wara l-prova tal-ICBM mill-Koreani komunisti, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel qablu biex jestendu l-eżerċizzji tal-ajru konġunti ‘il hinn mid-data għall-konklużjoni li kienet iffissata għallum.