Internazzjonali

Il-Pakistan: L-eks PM Imran Khan ferut f’saqajh minn tir waqt marċ ta’ protesta

L-eks Prim Ministru tal-Pakistan, Imran Khan, spiċċa midrub f’saqajh minn sparatura li seħħet waqt marċ ta’ protesta fil-belt ta’ Wazirabad. Dak il-ħin, Khan kien qed imexxi dimostrazzjoni bil-għan li ssir elezzjoni bikrija fil-pajjiż u mhux ċar jekk l-eks Prim Ministru spiċċax mira speċifika għal attakk inkella jekk hu intlaqatx minn balla li ma kenitx intenzjonata għalih.

Fl-istess ħin, numru ta’ partitarji tal-grupp politiku PTI ta’ Khan ukoll spiċċaw midruba fl-isparatura.

Imran Khan kien tqaċċat minn Prim Ministru f’April u l-aħħar rapporti qalu li hu jinsab stabbli wara li ttieħed l-isptar b’urġenza.

Jidher ukoll li persuna suspettata qed tgħin fl-istħarriġ tal-pulizija u meta Shehbaz Sharif, il-Prim Ministru Pakistani attwali, ikkundanna l-isparatura waqt li ordna biex issir investigazzjoni immedjata.

Id-dimostrazzjoni tal-aħħar sigħat kienet it-tieni waħda f’ġimgħa u meta Imran Khan – eks stilla tal-cricket – għadu jinsisti li hu kien spiċċa mwarrab minn Prim Ministru b’mod illegali u għal skop politiku.

Dan waqt li l-Gvern f’Islamabad baqa’ jinsisti li l-elezzjonijiet li jmiss fil-Pakistan għandhom isiru s-sena d-dieħla u skont il-programm oriġinali.

Imram Khan kien akkużat li, bħala Prim Ministru, ma tax rendikont preċiż tar-rigali li kien ingħata mingħand il-personalitajiet distinti barranin kif ukoll dwar l-introjtu mill-allegat bejgħ tar-rigali li kienu jinkludu l-arloġġi tal-marka Rolex.

Il-Pakistan għandu storja twila ta’ vjolenza politika u l-agħar każ jibqa’ l-assassinar tal-eks Prim Ministru Benazir Bhutto li kienet tilfet ħajjitha waqt rally pubbliku, fl-2007.