Lokali Qorti

Imnaqqsa sentenza għal kuntrattur u ħaddiem responsabbli għall-mewt ta’ żewġ nisa f’tiġrif ta’ blokka ta’ appartamenti

Kuntrattur ta’ 64 sena li kien ikkundannat tliet snin ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati kellu s-sentenza tiegħu mnqassa b’sena filwaqt li l-impjegat tiegħu kellu s-sentenza ta’ 18-il xahar ħabs imnaqqsa għal sitt xhur mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li waqgħet binja f’San Pawl il-Baħar.

Il-kuntrattur Pawlu Demicoli u Kevin Bonnici kienu nstabu responsabbli għall-mewt ta’ żewġ nisa kkaġunata mit-tiġrif ta’ blokk appartamenti f’Ġunju 2004. Il-kollass kien ħalla vittmi lil Mary Zarb ta’ 60 sena li kienet tgħix fil-blokk tal-appartamenti u lil Nadya Vavilova, Russa ta’ 24 sena li proprju dak il-ħin kienet qiegħda tieħu lezzjonijiet tal-Malti mingħand Zarb.

L-inċident kien ġie kkawżat minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq art ta’ ma’ ġenbhom. Dwar dan l-inċident kienu saru proċeduri kriminali kontra l-kuntrattu l-impjegat tiegħu, bil-Maġistrat ta’ dak iż-żmien Consuelo Scerri Herrera, illum Imħallef kienet ikkundannat tliet snin ħabs lil Demicoli u oħra ta’ 18-il xahar lil Bonnici.

Iż-żewġ irġiel appellaw id-deċiżjoni bl-Imħallef Aaron Bugeja li ppresieda l-Qorti tal-Appell sab kemm lil Demicoli kif ukoll lil Bonnici ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ persuna minħabba negliġenza jew nuqqas ta’ ħila fix-xogħol tagħhom.

Filwaqt li l-Qorti kkonfermat il-ħtija tal-kuntrattur u tal-impjegat fis-sentenza tagħha, iddeċidiet li tnaqqas is-sentenzi mogħtija fl-2009 u dan għaliex ma kinitx applikata bidla fil-liġi li saret fl-2004 u kien applikat l-artikolu tal-liġi antik flok dak emendat. Għaldaqstant Demicoli ngħata sentejn ħabs minflok tlieta, mentri Bonnici weħel sitt xhur minflok 18-il xahar.