Nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru, mistenni jagħmel ir-ritorn tiegħu l-avveniment tal-kickboxing, Gladiators Fight Night bis-27 edizzjoni li ser issir ġewwa l-Grandmaster Suite, Hilton, San Ġiljan. Il-Ħamis wara nofsinhar f’Marsaskala saret il-konferenza tal-aħbarijiet kif ukoll il-weighing in tal-kickboxers involuti.

Aktar minn għoxrin ġlieda li jvarjaw minn esebizzjonijiet sa livelli professjonali kemm tal-kickboxing kif ukoll dawk tal-boxing u l-K1 se jkunu qed jagħmlu l-lejla waħda interessanti u divertenti għal dawk kollha li se jkunu qed isegwu.
Il-fightcard ta’ dan l-avveniment tinkludi ġlied ta’ boxing professjonali fejn Yannis Magro ser ikun qiegħed iħabbatha mal-avversarju Atopika Amagola mill-Ghana filwaqt li Christian Ċoqqos Schembri se jkun qiegħed jiġġieled kontra Georgi Gujejiani mill-Ġorġja.
Fil-kategorija tal-K1, Samuele Andolina ser ikun qiegħed jiġġieled mal-Marokkin, Hamada Azmani għat-titlu Internazzjonli fuq il-livell professjonal fil-kategorija tas-57kg filwaqt li l-atleta rinomat Jesred Piscopo ser ikun qed iħabbatha mal-Marokkin, Ajoub Benadya għall-istess titlu din id-darba fil-kategorija tal-71kg.
Justin Pace ser ikun qiegħed jaffaċċja lill-Ispanjol, Damir Mohaned għat-titlu Ewropew Am/Pro fil-kategorija tal-61kg
Apparti dawk imsemmija, mistennija jikkompetu diversi atleti oħrajn miċ-Ċili, l-Italja, ir-Rumanija u Franza.
Ma’ dawn ser jingħaqdu bosta atleti minn klabbs lokali fosthom Team Noel Kickboxing Club, Vikings Boxing Club, Fort Fitness, The New Kickboxing Club, Hard Knocks Boxing kif ukoll Club War Dogs.
Gladiators Fight Night 27 hija appoġġjata mill-assoċjazzjonijiet kollha meħtieġa – World Kickboxing Network, Malta Kickboxing Association u Malta Boxing Association.
